Coronavirus Lokali

Rispons ta’ emerġenza mingħand Caritas Malta

Hemm barra hemm realtà ta’ persuni li preżentament qed isofru konsegwenzi ekonomiċi u soċjali kawża tal-Covid-19, persuni li jinsabu fi bżonn ta’ għajnuna urġenti.

Kien dan id-diskors ta’ Caritas Malta fi stqarrija fejn ġie spjegat li grazzi għall-NGOs u diversi parroċċi – Caritas Malta għaddejja b’ħidma sfieqa ma’ persuni vulnerabbli li jinsabu fi kriżi akbar kawża tal-pandemija.

Fosthom; dawk li diġà kellhom dħul baxx qabel il-pandemija, anzjani li jgħixu weħidhom, li kellhom xi għajnuna minn ġirien jew servizzi fid-dar li issa ma jistgħux jingħataw, ġenituri bi tfal b’diżabbiltà, speċjalment dawk severi li wkoll naqsilhom ir-respite peress li waqqfu l-iskejjel, dawk il-Maltin jew barranin li diġà spiċċaw bla saqaf u ankè ma jistgħux jaċċessaw shelters minħabba restrizzjonijiet, barranin li tilfu x-xogħol jew naqsulhom is-sigħat ta’ xogħol u mhux intitolati għall-benefiċċji ta’ nuqqas ta’ impjieg jew sussidju fuq il-kera. Dawn qed jgħixu f’biża’ li ma jkollhomx biżżejjed biex iħallsu l-kera u l-biża’ li huma wkoll jispiċċaw bla saqaf.

Hemm ukoll dawk bi problemi ta’ saħħa mentali jew bi problema ta’ dipendenza fuq id-droga li ma jistgħux jidħlu fi programmi għax skont Caritas Malta għad m’hawnx kwarantina adegwata.

Fl-istqarrija ġie spjegat li ankè dawk it-tfal u nisa li qegħdin f’periklu ta’ abbuż fid-djar tagħhom għandhom bżonn l-għajnuna immedjata.

Fl-isfond ta’ dawn il-problemi serji qed Caritas Malta nnotat ukoll diversi atti ta’ solidarjetà. Ġie spjegat li numru ta’ kumpaniji privati offrew għajnuniet diversi. Fosthom; sidien ta’ ħwienet li m’approfittawx mis-sitwazzjoni u ma għollewx il-prezzijiet, dawk is-sidien ta’ kumpaniji li komplew jappoġġaw il-ħaddiema barranin tagħhom li mhux intotolati għall-benefiċċji u anke dawk is-sidien tal-kera li raħħsu l-kera.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt sostna li dan huwa żmien straordinarju li qed ngħixu li jixprunana biex inxammru l-kmiem iktar minn qatt qabel għall-bniedem fil-bżonn u nimpenjaw ruħna biex Stat, Knisja, NGOs u l-privat jikkollaboraw flimkien għall-ifqar fost il-fqar.

Fl-istqarrija ġie spjegat li Caritas bħalissa qed tipprovdi diversi għajnuniet soċjali fosthom il-koordinament u tqassim ta’ madwar 500 ikla msajra kuljum. The Alfed Mizzi Foundation huma l-isponsors ta’ dawn l-ikliet bnini u nutrittivi – Solidarity Meals.

Id-Djakonija Unit ta’ Caritas Malta tikkoordina t-tqassim bil-kollaborazzjoni tal-kappillani minn parroċċi differenti, il-Fondazzjoni St Jean Antide, il-Fondazzjoni Sebħ, Paolo Freire Institute u l-Millenium Chapel. Caritas torganizza ta’ kuljum roster ta’ madwar 40 persuna li qed toffri ħinha b’mod volontarju biex tqassam dan l-ikel b’mod sigur. 4 Hubs fil-paroċċi ta’ Wied il-Għajn, Bormla, l-iklin u Ħal Balzan huma ċentri li jirċievu l-ikel u li minnhom voluntiera jitilqu biex iqassmu l-ikel fuq l-għetiebi tal-persuni fil-bżonn b’mod li ma jkunx hemm kuntatt dirett uman. Qed jittieħdu numru ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni.

Fr Keith Bonnici, Kappillan tal-Iklin sostna li din hi inizjattiva ferm sabiħa tal-Knisja f’Malta u qed iġġib iktar il-knisja viċin in-nies f’dan iż-żmien tant diffiċli tal-COVID-19. Din hi inizjattiva li qed tħalli ħafna ġid u jispera li tkun inizjattiva li togħġob lil Alla.

Dan il-proġett tat-tqassim tal-ikel beda fit-2 ta’ April b’200 ikla u f’għaxart ijiem telgħa għal kważi 500 ikla kuljum b’ċertezza li n-numru jibqa’ tiela’.

Fost dawk li qed jibbenefikaw hemm persuni anzjani jew morda li ntilfilhom l-appoġġ li kellhom fid-dar, familji b’persuni b’diżabbiltà li fuqhom żdiedet pressjoni kbira, persuni homeless, persuni b’diffikultajiet mentali u oħrajn.