Coronavirus Sport Sport Ieħor

Tasal il-konferma li t-Tour de France ġie pospost

(Ritratt: EPA)

Id-dati l-ġodda tat-Tour de France ġew ikkonfermati wara li t-tellieqa kienet sfurzata li tkun posposta minħabba r-restrizzjonijiet tal-coronavirus. It-Tnejn, il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li l-avvenimenti pubbliċi ta’ folol kbar se jkunu kkanċellati tal-anqas sa nofs Lulju.

Illum ġie kkonfermat li mhux se jkun hemm tlielaq sal-1 ta’ Awwissu. B’konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni, it-Tour de France issa se jibda fid-29 ta’ Awwissu sal-20 ta’ Settembru. Minkejja t-tibdil fid-data, it-tellieqa se żżomm ir-rotta oriġinali.

Din id-data wasslet ukoll biex kien hemm tibdil fil-kalendarju taċ-ċikliżmu. Il-Giro d’Italia li kien skedat għal Mejju u ġie pospost, mistenni jsir lejn tmiem Settembru filwaqt li La Vuelta mistenni jsir warajh, għalkemm id-data u r-rotta għadhom mhux konfermati.

Fi stqarrija, il-President tal-UCI David Lappartient sellem lir-rappreżentanti tal-organizzaturi, it-timijiet u ċ-ċiklisti tal-kollaborazzjoni f’dawn il-mumenti diffiċli. Hu sejjaħ dawn id-deċiżjonijiet bħala l-ewwel pass importanti. Lappartient żied li b’hekk ġew ippreservati d-drittijiet fundamentali tat-timijiet u ċ-ċiklisti filwaqt li ħadu miżuri biex it-timijiet jibqgħu għaddejjin.