Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Trump vs WHO: Il-President Amerikan iwaqqaf il-fondi għall-aġenzija tan-NU

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump jindirizza l-Assemblea Ġenerali tan-NU (Mill-Arkivji)

Il-President Amerikan Donald Trump qal li ta struzzjonijiet biex titwaqqaf il-kontribuzzjoni tal-Istati Uniti lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) “sakemm jiġi mistħarreġ ir-rwol tal-Organizzazzjoni fil-mismanagement u l-cover-up li wassal għall-firxa tal-Coronavirus madwar id-dinja.”

Hu qal li l-WHO falliet fid-dmirijiet bażiċi tagħha u għandha tinżamm responsabbli. B’reazzjoni għal din id-dikjarazzjoni, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres qal li dan mhux il-mument li taqta’ r-riżorsi tal-WHO.

Iżda Donald Trump innifsu qed jiffaċċja l-istess akkużi f’pajjiżu stess hekk kif l-Istati Uniti hu l-iktar pajjiż milqut mill-Covid-19 b’iktar minn 600,000 każ konfermat u kważi 26,000 vittma. L-Aħħar 24 siegħa fissru rekord ieħor ta’ mwiet b’2,228 persuna jitilfu ħajjithom.

L-Istati Uniti hu l-ikbar kontributur tal-WHO b’madwar $400 miljun s-sena li għaddiet. Dan jammonta għal ftit inqas minn 15% tal-budget tal-aġenzija tan-NU. Issegwi iċ-Ċina b’madwar $86 miljun.

Intant, numru ta’ pajjiżi Ewropej qegħdin bil-mod il-mod jipprovaw jerħu uħud mir-restrizzjonijiet li ilhom fis-seħħ għal numru ta’ ġimgħat. Id-Danimarka, li kien fost l-ewwel pajjiżi li daħal f’xi forma ta’ lockdown, mill-lum se jibda jiftaħ childcare centres u skejjel primarji.

Fl-Awstrija, mill-bieraħ reġgħu fetħu numru ta’ ħwienet iżda l-awtoritajiet tas-saħħa wissew li l-kriżi għadha m’għaddietx. Fir-Repubblika Ċeka, ħwienet u ristoranti mistennija jitħallew jiftħu mit-Tnejn li ġej iżda se jibqa’ fis-seħħ l-obbligu li l-persuni jilbsu l-maskri.

Fost il-pajjiżi l-kbar u l-iktar milquta fl-Ewropa, Spanja biss qed terħi xi ftit mir-restrizzjonijiet hekk kif fabbriki u s-settur tal-kostruzzjoni tħallew jerġgħu jiftħu. Iżda ħwienet u ristoranti mistennija jibqgħu magħluqin sas-26 ta’ April.

Fi Franza, il-President Emmanuel Macron estenda il-lockdown sal-11 ta’ Mejju. Fir-Renju Unit, is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin Dominic Raab, li qed jaġixxi ta’ PM interim sakemm Boris Johnson jirkupra mill-Coronavirus, eskluda xi ċaqlieq fir-restrizzjonijiet qabel mill-inqas is-7 ta’ Mejju. L-istess fl-Italja, li hu t-tieni l-iktar pajjiż milqut fid-dinja.

Lil hinn mill-Ewropa, l-Indja, it-tieni l-ikbar pajjiż f’termini ta’ popolazzjoni, estenda il-lockdown sat-3 ta’ Mejju.