Futbol Sport

19-IL SENA ILU: Gowl lejn it-tmiem ta’ Daniel Theuma jaċċerta t-18-il kampjonat għal Valletta

(Ritratt: In-Nazzjon)

16 TA’ APRIL 2001

Bħal-lum dsatax-il sena ilu, Valletta aċċertaw mir-rebħ tat-18-il kampjonat fl-istorja tagħhom. Fil-logħba ta’ qabel tal-aħħar, Valletta kellhom bżonn punt iżda saħansitra kisbu tlieta b’rebħa ta’ 2-1 kontra Birkirkara. Għal dik il-logħba kien hemm attendenza ta’ 7,040 spettatur li kienet l-akbar folla tal-istaġun, bil-maġġoranza tagħhom partitarji ta’ Valletta. Fil-ħarġa tal-għada ta’ In-Nazzjon, il-logħba ġiet deskritta bħala partita nieqsa mill-entużjażmu hekk kif iż-żewġ timijiet kienu qed jibżgħu li jitilfu l-punti.

(Ritratt: L-orizzont)

Valletta marru fil-vantaġġ wara 19-il minuta bi free-kick ta’ Gilbert Agius jasal għand l-iżmarkat CHRIS ORETAN li pass bogħod mil-lasta għeleb lil Robert Savic. Birkirkara ġabu d-draw fis-37 minuta b’gowl taż-żagħżugħ STEFAN ZAHRA li għeleb lil Sean Sullivan għalkemm issikkat minn żewġ plejers. Sa dak il-ħin, il-punt xorta kien biżżejjed għal Valletta iżda fit-tieni taqsima, Birkirkara żiedu l-isforzi tagħhom u bdew jiddominaw nofs il-grawnd. Iżda kien fis-87 minuta li Valletta skorjaw il-gowl tar-rebħa u aċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat.

Minn free-kick ta’ Agius, kien DANIEL THEUMA li b’daqqa ta’ ras xeħet fir-rokna ta’ Savic fost il-ferħ tal-plejers u partitarji Beltin. Il-briju kompla wara t-tisfira finali hekk kif dak iż-żmien il-Beltin kienu komplew it-triq tagħhom li jirbħu s-sitt unuri għad-dispożizzjoni fl-istaġun.

(Ritratt: In-Nazzjon)