L-effett fuq kull settur kawża tal-imxija tal-COVID-19 huwa wieħed kbir – ta’ kuljum qed inkomplu nisimgħu b’numri ta’ persuni li sfortunatament qed jispiċċaw bla xogħol.

Minn stħarrig li sar fl-aħħar jiem, jirriżulta li tul din il-pandemija jaf ikun hemm 25,000 ruh li jitilfu xoghlhom. Dan spjegah il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb, f’kummenti lill-programm NETLIVE.
Ftit tal-ġimgħat ilu kienet saret kritika qawwija fil-konfront tal-ewwel żewġ pakketti mħabbra minn Robert Abela għaliex bihom xorta kienu se jitilfu l-impjiegi tagħhom mal-50,000 persuna.
Eventwalment, it-tielet pakkett, imsejjaħ mill-Prim Ministru bħala wieħed agressiv, naqas milli jikludi fih ‘l fuq minn 100,000 ħaddiem.
F’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ministru tal-Finanzi, staqsejna lil propju Edward Scicluna dwar is-sensji u l-effetti fuq mijjiet ta’ familji iżda hu farfar fuq il-Ministri konċernati u bqajna mingħajr risposta.

F’din l-istess konferenza tal-ahbarijiet, għalkemm ma kienx is-suġġett diskuss u għalkemm l-ebda ġurnalist ma staqsa xejn dwar dan, il-Ministru tal-Finanzi attakka lill-kollega tiegħu Ian Borg għal-nuqqas ta’ miżuri meħuda fis-settur tal-kostruzzjoni.


