“Freedom” – Irridu l-ħelsien, irridu l-libertà.
Dan kien dak li bdew ilissnu numru ta’ immigranti li jinsabu fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Far, fi protesta li seħħet tul il-ġurnata.
Kien għall-ħabta tas-1.30 ta’ waranofsinhar meta Net News irċieva numru ta’ rapporti li bdiet issir protesta f’Ċentru tal-immigranti f’Ħal Far.
Mal-wasla tagħna l-pulizija preżenti kkonfermaw li l-protesta ma kinitx qed issir fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far li bħalissa jinsab magħluq iżda kienet qed isir protesta fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni li jinsab faċċata.
Fil-ħin infatti li għamilna qrib l-entratura ta’ dan iċ-Ċentru rajna fost l-oħrajn minn tal-anqas 3 vetturi tal-ambulanza, hemm spikkat il-preżenza ta’ diversi infermiera u t-tobba tal-emerġenza Dr Michael Spiteri u Dr Jonathan Joslin.
Rajna wkoll moviment kontinwu minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u kif ukoll il-pulizija tad-distrett u mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit.

Uffiċjali minn fuq il-post qalulna li ħadd mill-immigranti ma weġġa’ tul il-protesta, iżda l-immigranti kissru u qalgħu xi bibien u oġġetti oħra u bdew isabbtu u jagħmlu l-ħsejjes bihom.
Tul il-protesta stajna ninnutaw ukoll numru ta’ immigranti li telgħu fil-bjut u kif ukoll oħrajn li bdew ixejru l-flokkijiet.

Intant uffiċjali minn fuq il-post ikkonfermaw magħna li din il-protesta ma kellhiex x’taqsam mal-ebda każ ta’ Covid-19.
Kien konfermat illi din il-protesta ma kellha x’taqsam xejn mas-sitwazzjoni preżenti tal-Coronavirus, għalkemm issa, fil-każ tal-Open Centre, hemmhekk il-kwarantina se tiġi estiża.
Ritratti ta’ Matthew Tabone

