Internazzjonali

Coronavirus…Aktar żviluppi waqt il-pandemija

Filwaqt li l-Istati Uniti qed tikkalkula r-rati tal-imwiet allarmanti mill-coronavirus, l-aħħar statistika kkonfermat li ‘il fuq minn 21 miljun Amerikan tilfu l-impjiegi fl-aħħar erba’ ġimgħat iddominati mill-effetti tal-pandemija. Din hi l-akbar telfa ta’ impjiegi għal perjodu partikulari kemm ilhom jinġabru r-rekords, meta l-parti kbira tal-popolazzjoni Amerikana tinsab taħt forma ta’ lockdown – bl-ekonomija tal-pajjiż tispiċċa kważi kompletament paralizzata.

L-infezzjonijiet mill-coronavirus fl-Iran żdiedu b’1,606 għal 77,995 waqt li ċ-ċifra tal-mewt uffiċjali dovuta għall-pandemija fil-pajjiż telgħet (b’92) għal 4,869. L-Iran sofra l-akbar numru ta’ imwiet mill-Covid-19 minn kwalunkwe pajjiż ieħor fil-Lvant Nofsani.

Il-Ġermanja mistennija tħassar il-festival (tal-birra) tal-Oktoberfest għal din is-sena. L-avveniment annwali jattira t-turisti lokali u minn barra iżda l-indikazzjonijiet huma li din it-tradizzjoni wkoll se tispiċċa ‘vittma tal-coronavirus’. Il-Prim Ministru tal-Istat ta’ Bavarja, Markus Soder, qed iħossu xettiku ħafna li l-Oktoberfest ta’ din is-sena jista’ isir ‘u ma jimmaġinax li avveniment ta’ dan id-daqs għandu jkun possibbli fiċ-ċirkustanzi’.

Spanja rrappurtat żieda fl-ammont tal-imwiet mill-coronavirus għal perjodu ta’ 24 siegħa, iżda ċ-ċifri mir-reġjun ta’ Katalonja indikaw li l-vera total jista’ ikun ta’ ‘diversi eluf oħra’. Il-vittmi f’dan il-pajjiż żdiedu b’551 għal 19,130 —  b’numru ta’ reġjuni Spanjoli qegħdin jevalwaw l-ammonti ta’ mejtin mill-coronavirus fid-djar tal-anzjani.

L-aircraft carrier ewlieni ta’ Franza —  Charles de Gaulle – irrapporta inċidenza akbar ta’ infezzjonijiet mill-Covid-19 fost il-membri tal-ekwipaġġ. Il-bastiment, il-ġimgħa l-oħra, kien ordnat lura pajjiżu wara li wħud mill-baħrin ta’ fuqu bdew juru sintomi tal-marda. L-aħħar rapporti qalu li mas-668 baħrin fuq l-aircraft carrier u fuq bastiment (ieħor) ta’ skorta testjaw pożittiv għall-coronavirus —b’20 qed jinżammu taħt kura speċjalizzata.