Il-UEFA qed taħdem fuq pjan biex il-finali tal-UEFA Champions League tintlagħab fid-29 ta’ Awwissu. Il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA se jiltaqa’ fit-23 ta’ April għal aktar diskussjonijiet kif jistgħu jispiċċaw l-istaġun li tħarbat minħabba l-coronavirus.
L-idea għadha li l-istaġun jispiċċa sa tmiem Awwissu mingħajr logħbiet li jkunu għadhom ma ntlagħbux. Iżda jista’ jkun li jsir qbil li l-kampjonati jispiċċaw qabel, għalkemm xorta hemm bżonn l-approvazzjoni tal-UEFA. Dan jista’ jfisser li l-finali tal-UEFA Champions League tintlagħab f’Istanbul fid-29 ta’ Awwissu, bil-finali tal-UEFA Europa League f’Gdansk tintlagħab tlett ijiem qabel. Bħalissa qed jittieħdu żewġ konsiderazzjonijiet.
L-ewwel xenarju hu li l-kwarti tal-finali u s-semifinali jintlagħbu fuq żewġ logħbiet f’Lulju u Awwissu. It-tieni xenarju hu li l-konfronti jintlagħbu fuq logħba fi tmiem l-istaġuni domestiċi, potenzjalment biex kollox jintlagħab f’mini-tournament ta’ ġimgħa.
Erba’ mit-tmien timijiet mal-aħħar tmienja taċ-Champions League huma magħrufa. Fl-Europa League, is-sitwazzjoni hi ftit aktar ikkumplikata minħabba li l-partiti ta’ ritorn mill-aħħar 16 għadhom iridu jintlagħbu filwaqt li lanqas intlagħbu ż-żewġ logħbiet li jinvolvu timijiet Spanjoli u Taljani.
//= $special ?>