Ambjent Għawdex Lokali

Il-park għall-familji fil-Qortin fix-Xagħra Għawdex jibqa’ wegħda – PN

Il-Partit Nazzjonalista jixtieq ifakkar lill-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Pjanar Aaron Farrugia, li s-sit tal-ex-miżbla tal-Qortin ġewwa x-Xagħra Għawdex ilu s-snin li reġa’ ntradd lura lill-poplu, eżattament sa
minn meta Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea u grazzi għall-viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista u l-fondi Ewropej miksuba minnu, setgħet tinghalaq il-miżbla li kienet saret ġerħa ambjentali kbira.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u r-Riformi Kostituzzjonali Chris Said, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar u mill-Viċi pWhip Frederick Azzopardi, il-PN saħaq li minkejja li s-sit kien reġa’ lura għand il-poplu u ankè kien hemm pjan li dan jiġi trasformat f’park għall-familji, Gvern Laburista ġdid fl-2013, abbanduna l-progett u dan fost il-weghdi sbiehtieghu. Sahansitra, ftit aktar minn sena ilu, l-Gvern Laburista kien reġa’ beda juża s-sit bħala miżbla u kien biss għall-protesti tal-Partit Nazzjonalista, partikolarment permezz tad-deputati Għawdxin u l-Kunsillieri fix-Xagħra u kif ukoll tal-pubbliku li l-Gvern reġa ‘ lura fuq il-passi tiegħu.

Għalhekk mhu minnu xejn dak li ddikjara lbieraħ il-Ministru Farrugia hu u jħabbar impjant ta’ trattament tal-iskart ġewwa l-Magħtab, li l-Qortin se jerġa’ lura għand il-poplu grazzi għall-impjant imsemmi. Jekk il-Ministru Farrugia jixtieq verament jagħmel xi haġa tajba għal Għawdex, dan għandu jara li minnufih jitkomplew ix-xogħlijiet fil-Qortin sabiex dan is-sit tabilħaqq jiġi trasformat u miftuħ bħala park għall-familji kif oriġinarjament proġettat minn Gvern Nazzjonalista.

Wara ħafna konsegwenzi ambjentali negattivi kkawżati mill-miżbla tal-Qortin meta din kienet għadha topera, l-Partit Nazzjonalista jemmen li park għall-familji f’dak is-sit ikun l-unika mod kif il-pajjiż jista’ jikkumpensa lura. Għawdex u l-Għawdxin proġetti konkreti għandhom bżonn u mhux il-wegħdi sbieħ tal-Partit Laburista.