L-inċident li seħħ ix-xahar li għadda, li ħatef il-ħajja ta’ Miriam Pace, serviet biex tfakkar lil kulħadd li l-kriżi fl-industrija tal-bini fadallha biex tissolva, u r-regolamenti miktubin b’mod mgħaġġel u li daħlu fis-seħħ ta’ malajr f’Lulju 2019 ma solvew xejn.
Filwaqt illi tfaħħar lill-awtoritajiet tal-mod spedit li bih mxew f’dan ilkaż, il-Kamra tal-Periti tibqa’ konsistentement u b’saħħa ssostni l-pożizzjoni tagħha kontra dawn irregolamenti għaliex ma jiggarantux is-sigurtà tan-nies, kif jidher ċar fit-traġedja tal-Ħamrun.
Il-Kamra tal-Periti permezz ta’ stqarrija qalet li l-unika skop għaliex saru dawn ir-regolamenti kien li jitfa’ t-tort fuq xi ħadd, u fl-istess ħin inaqqas ir-responsabbiltajiet tal-iżviluppaturi u tal-kuntratturi, li għadhom sal-lum mhux liċenzjati.
Minflok kellhom ikunu ffukati biex jaraw illi dawn it-tipi ta’ inċidenti ma jseħħux. It-taħrikiet tal-bieraħ huma dimostrazzjoni ċara ta’ kemm saru iktar ikkumplikati u konfużi rresponsabbiltajiet mindu daħlu fis-seħħ ir-regolamenti l-ġodda.
Filfatt, issa l-Qorti trid tistabbilixxi rresponsabbiltajiet ta’ erba’ rwoli differenti, inkluż issa l-STO li ma kienx jeżisti qabel. Inevitabilment, l-avukati difensuri l-iktar li ser japprofittaw minn dawn ir-regolamenti dgħajfa sabiex jeżoneraw lill-klijenti tagħhom mit-tort.
Il-Kamra tal-Periti hija perplessa bl-istqarrija li ħarġet il-Malta Developers’ Association ilbieraħ fejn qalet li r-regolament li daħlu fis-seħħ is-sajf li għadda pprovdew “parametri ċari sabiex jiġi deċiż min hu responsabbli f’dan it-tip ta’ inċidenti”.
Jidher li dan kien l-għan primarju tal-MDA, minflok li jkollna regolamenti li jiżguraw is-sigurta’ tal-pubbliku, li kien dejjem l-għan ewlieni tal-Kamra. Fil-fatt il-Kamra taqbel perfettament mal-istqarrija li kienet għamlet Marthese Portelli, illum direttur ġeneral tal-MDA, dak iż-żmien li kien ħarġu r-regolamenti, fejn iddeskrivithom bħala “deċiżjonijiet mgħaġġla li ma serrħu moħħ ħadd”.
Il-Kamra hija ħerqana li tara l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju dwar ir-regolamentazzjoni tal-bini u kostruzzjoni li l-Gvern ikkommetta ruħu li jibda jimplimenta minn Ottubru 2019. Dan il-qafas kien maqbul mal-istakeholders kollha, u ppreżentat lill-Kumitat ta’ Esperti mwaqqaf riċentement mill-Prim Ministru.
L-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas ser iwassal sabiex l-industrija tal-kostruzzjoni sa fl-aħħar timmoderniżża ruħha u tinġab fl-istess livell ma’ prattiċi stabbiliti f’pajjiżi żviluppati. Il-Kamra tal-Periti hija kommessa li tara li dan isir mingħajr iktar dewmien. Iktar ma jitwal iż-żmien biex tidħol il-leġiżlazzjoni approprijata iktar ser ikun espost il-pubbliku għal riskji ta’ saħħa u sigurtà.
//= $special ?>