It-tennista żagħżugħa Coco Gauff tkellmet dwar id-diffikultajiet u l-pressjoni li tpoġġew fuqha r-riżultati tajbin miksuba fl-aħħar xhur. Gauff li għad għandha 16-il sena, hi l-iżgħar tennista mal-aqwa 100 fil-klassifika tad-dinja. Hi bdiet tieħu l-popolarità meta għelbet lill-ħames darbiet rebbieħa ta’ Wimbledon Venus Williams fl-ewwel rawnd ta’ dan il-Grand Slam is-sena l-oħra. F’kitba għal Behind the Racquet, Gauff tkellmet dwar il-possibbiltà li toqgħod sena bogħod mill-isport, it-tbatija mad-dipressjoni u t-tqabbil kontinwu mal-aħwa Williams.
Hi tkellmet dwar kif dan it-tqabbil mhux ġust għaliex minkejja li tarahom bħala l-idoli tagħhom, stqarret li ma tinsabx fuq il-livell tagħhom għalissa. “Bis-suċċessi tagħhom, ma għandiex inkun fl-istess grupp tagħhom għalissa. Inħoss li lanqas kien ikolli l-opportunità li nkun f’dan il-livell mingħajrhom.” Gauff ikkonfermat li l-aħħar sena kienet l-aktar waħda iebsa għalija. Hi kompliet li kienet tħossha mitlufa u konfuża jekk dan kienx dak li riedet jew dak li ħaddieħor ried għaliha. L-Amerikana qalet li fil-court saret tkun kalma għaliex aċċettat hi min hi wara li għelbet l-aktar mumenti diffiċli f’ħajjitha. Issa tħoss li meta tkun fuq il-court, tħossha grata li tinsab hemm.
Iż-żagħżugħa mwielda fi Florida, ingħatat wildcard biex ħadet sehem fit-tournament ta’ Wimbledon is-sena l-oħra. Hi eliminat lil Venus Williams u baqgħet tavvanza sar-raba’ rawnd, bil-logħbiet tagħha jkunu l-aktar segwiti fil-ġurnata f’pajjiżha. Meta Gauff telgħet mal-ewwel 50 is-sena l-oħra, hi saret l-ewwel tennista ta’ 15-il sena li fi 15-il sena għamlet dan. Bħalissa hi tinsab fit-52 post fid-dinja u fl-Open tal-Awstralja ta’ din is-sena reġgħet waslet sar-raba’ rawnd, qabel mal-isport twaqqaf minħabba l-coronavirus.
//= $special ?>