Lokali Unjoni Ewropea

“L-iskema urġenti tal-impjiegi għandha tiġi implimentata malajr kemm jista’ jkun” – David Casa

L-MEP David Casa

Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa insista mal-Gvernijiet Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea biex imexxu ‘l quddiem il-proposta SURE.

Il-programm SURE (Appoġġ temporanju li jimmitiga r-Riskji tal-Qgħad f’Emerġenza), se jipprovdi għajnuna finanzjarja f’forma ta’ self mogħti b’termini favorevoli mill-UE lill-Gvernijiet, b’valur sa €100 biljun. Dan jippermetti stati membri biex isaħħu u jespandi l-iskemi ta’ xogħol short-term, li huma kruċjali biex jassiguraw l-impjiegi u jevitaw is-sensji.

“Għandna bżonnha kemm jista’ jkun malajr. U għandha tiġi implimentata mingħajr dewmien,” qal l-MEP David Casa waqt diskors fis-Sessjoni Plenarja fi Brussell dalgħodu.

“Il-kriżi soċjali li se jħalli warajh dan il-virus se tkun ferm akbar mill-virus innifsu. Irridu nagħmlu ferm iżjed, mhux biss biex insalvaw il-ħajjiet, imma biex nassiguraw il-postijiet tax-xogħol. Hemm bżonn nagħmlu aktar biex nappoġġjaw lill-SMEs, li huma s-sinsla tal-ekonomiji tagħna,” qal Casa.

David Casa, li bħala Kwestur jifforma parti mit-tmexxija tal-Parlament, hu wkoll ir-Rapporter tal-Parlament għall-Fond Soċjali Ewropew Plus. “Din l-għodda, flimkien mal-Qafas Multi-Finanzjarju, huwa kruċjali biex jipprovdi għajnuna lill-ħaddiema, u nsaħħu l-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa. Aħna qed nagħmlu dak kollu possibbli biex il-fondi l-ġodda jkunu disponibbli mis-sena d-dieħla, imma dan m’għandux iwaqqafna milli naħdmu fuq miżuri ta’ kontinġenza li jassiguraw li l-fondi jibqgħu jaslu għand dawk l-aktar fil-bżonn,” qal Casa.

Fi tmiem tad-diskors tiegħu, David Casa għamel appell b’saħħtu: “In-nies qed iduru fuqna biex inqumu għall-okkażjoni. La rridu, la nistgħu u lanqas naffordjaw li nfallu.”