Atletika Sport

MINUTA MILL-PASSAT: Ir-rekord Olimpiku ta’ Bob Beamon fil-Long Jump

18 ta’ Ottubru 1968. Olimpjadi f’Mexico City fil-Messiku. Fost dawk li spikkaw f’din l-edizzjoni żgur jibqa’ mfakkar l-isem ta’ Bob Beamon fil-Long Jump. Hu kkwalifika għall-finali bi żbrixx permezz tat-tielet attentat, wara li l-ewwel tnejn kienu ħżiena.

Fil-finali hu kien flimkien ma’ Ralph Boston u Lynn Davies, żewġ atleti li rebħu l-Long Jump fiż-żewġ Olimpjadi ta’ qabel. Fl-ewwel qabża tiegħu, Beamon stabbilixxa rekord dinji b’qabża impressjonanti ta’ tmien metri u 90 ċentimetru, biex b’hekk kiser ir-rekord b’55 ċentimetru.

Meta l-kowċ tiegħu u sieħbu Ralph Boston qallu li kiser ir-rekord dinji bi kważi żewġ piedi, saqajn Beamon ċedew bil-ferħ u niżel għarkupptejh filwaqt li għatta wiċċu hekk kif ma setax jemmen dak li kien għadu kif ġara.

Ir-rekord tad-dinja tiegħu dam għal 23 sena, bl-atleta Mike Powell jaqbeż tmien metru u 95 ċentimetru fil-Kampjonati tad-Dinja f’Tokyo. Iżda 51 sena wara, ir-rekord Olimpiku għadu f’idejn l-Amerikan.