Kunsilli Lokali Lokali

Propost bust sabiex titfakkar il-memorja ta’ ‘Żaren is-Superjur’

Il-Fgurin iridu triq imsemmija għalih

“Hemm bżonn ta’ tifkira permanenti ta’ dan ir-raġel li ta kollox għal komunità tal-Fgura u mhux biss.” Din hija l-għajta tal-Fgurin jum wara l-aħbar li ħalla din id-dinja Nazzaren Farrugia, ‘Żaren is-Superjur’, fl-età ta’ 77 sena.

Fuq il-midja soċjali l-Koordinatur tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali u Minority Leader fil-Fgura, Charles Bonello, spjega li filwaqt li l-Fgura kollha u s-Soċjetà tal-Mużew jinsabu mnikkta bit-telfa ta’ Żaren – fuq proposta tiegħu u s-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli – ġie approvat li jsir bust bħala “tifkira permanenti għal dan ir-raġel li tant ħadem għall-ġid tal-Fgura kollha”.

Sorsi li tkellmu ma’ NET NEWS spjegaw li ż-żewġ zoni identifikati ideali għall-monument li żgur jixraq lil Żaren huma; Wesgħa Reggie Millier – proprju quddiem il-Knisja u quddiem il-Mużew tas-subien, jew inkella Triq il-Karmnu, it-triq li fiha għex tul ħajtu kollha Nazzaren.

Fil-proposta intqal li dan il-monument għandu jinkixef sena mill-mewt ta’ Żaren, bħala tifkira għażiża tiegħu.

Iżda dan jidher li mhux biżżejjed għal bosta Fgurin, l-għaliex qed isiru numru ta’ appelli fuq il-midja soċjali sabiex mhux biss isir dan il-monument iżda ankè tiġi msemmija triq fil-Fgura għalih.

Nazzaren Farrugia ngħata l-aħħar tislima l-Ħamis waranofsinhar f’dik li kienet tislima siekta fid-dawl taċ-ċirkostanzi li għaddejjin minnhom fil-preżent. Dan wara li minn jaf kemm-il katavri akkumpanja mill-kamra mortwarja lejn il-Knisja tal-Fgura, f’sittin sena ta’ ħidma bla waqfien fil-komunità.