Internazzjonali

Tensjoni fil-Golf wara inċident bejn vapuri tal-Iran u l-Istati Uniti

Qamet mill-ġdid it-tensjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iran, bl-uffiċjali tal-qawwiet tal-baħar Amerikani jakkużaw lill-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjan dwar azzjonijiet perikolużi u provokattivi fl-ibħra internazzjonali tal-Golf Persjan.

L-Amerikani qalu li diversi opri tal-baħar tal-qawwiet Iranjani fl-aħħar sigħat resqu viċin ħafna ta’ sitt bastimenti tan-Navy u tal-gwardjani tal-kosta tal-Istati Uniti ….f’zona partikulari tal-Golf. Il-vapuri tal-Amerikani dak il-ħin kienu qed jieħdu sehem f’eżerċizzju militari fiz-zona, u l-azzjonijiet tal-Iranjani qed ikunu mfissra bħala attentat ta’ intimidazzjoni.

L-Iran ma kkummentax dwar l-inċident li seħħ ftit wara li irġiel armati – li x’aktarx kienu membri tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran – kienu ħatfu tanker irreġistrat fil-Golf tal-Oman. Dan it-tanker kien tmexxa sa zona kontrollati mill-Iranjani…. fejn dam għal żmien qasir, qabel ġie rilaxxjat.

Meta tkellmu dwar l-aħħar inċident fil-Golf, l-Amerikani qalu li l-vapuri tal-Iranjani għaddew b’veloċità minn viċin il-bastimenti tagħhom u injoraw id-diversi twissijiet biex jibqgħu ‘il bogħod.