Coronavirus Saħħa

10 każi ġodda ta’ COVID-19 għal total ta’ 422: ifiqu 9 oħra

10 każ ġdid ta’ Covid-19 f’pajjiżna tul dawn l-aħħar 24 siegħa. Li jfisser li sa issa, in-numru ta’ persuni li rriżultaw pożittiv telgħu għal 422 persuna filwaqt li 9 persuni oħra fiequ mill-virus biex issa in-numru ta’ persuni li fiequ issa huma ta’ 91.

Dawn kienu l-aħħar ċifri maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, waqt il-bulletin mediku ta’ kuljum.

Fost dawn il-każi, li ħarġu minn 1,090 swab tests li saru fl-aħħar 24 siegħa, hemm każ ta’ tfajla Maltija ta’ 31 sena li ġiet lura mir-Renju Unit fit-12 ta’ April abbord waħda mit-titjiriet ta’ ripatrijazzjoni. Għalkemm is-sintomi ħarġu wara l-wasla tagħha, qed isir contact tracing mal-persuni li kienu abbord l-istess titjira.

Matul l-aħħar 24 siegħa, saru 20 test fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far u li minnhom irriżulta li hemm tliet każi oħra li huma pożittivi għall-virus. It-tliet każi huma ta’ irġiel li kienu ġew mis-Sudan u li għandhom 24, 26 u 30 sena. B’kollox issa hemm 34 każ konfermat fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far li se jibqa’ taħt kwarantina, tenniet Prof Gauci.

Il-każi l-oħra huma:

  • Mara Maltija ta’ 29 sena li taħdem bħala carer fir-Residenza San Vinċenz. Din kienet diġa’ taħt kwarantina għaliex kienet waħda mill-persuni li kellha kuntatt ma’ każi oħra li rriżultaw fil-pożittiv.
  • Raġel Kolombjan ta’ 36 sena residenti Malta. Dan ma kienx qed jaħdem u qed isiru testijiet fuq żewġ persuni oħra li jgħixu miegħu.
  • Raġel Britanniku ta’ 35 sena residenti Malta. Dan ir-raġel ħarġulu s-sintomi fl-10 ta’ April. Hu kien qed jaħdem mid-dar u għaddejjin it-testijiet fuq il-bqija tal-familja ta’ erbgħa min-nies.
  • Raġel min-Nepal ta’ 29 sena residenti Malta. Dan il-każ jagħmel parti minn cluster ta’ tlieta li tħabbru fl-aħħar jiem.
  • Raġel Malti ta’ 61 sena li hu rtirat.
  • Raġel Malti ta’ 24 sena li ħarġulu s-sintomi fit-13 ta’ April. Il-Professur Gauci qalet li l-kuntatt fuq il-post tax-xogħol kien wieħed minimu.

Is-Supretedent tas-Saħħa Pubblika qalet li n-numru relattivament żgħir ta’ każi hu riżultat tal-miżuri ta’ social distancing. Hekk kif qorob weekend ieħor, il-Professur Gauci appellat biex il-pubbliku jkompli jipproteġi lill-iktar vulnerabbli fis-soċjeta’ tagħna u ma joħroġx mid-dar ħlief għall-bżonn.

Hija saħqet li huwa mistenni li madwar il-globu, inkluż Malta, ikollna t-tieni mewġa ta’ dan il-virus. Profs. Gauci saħqet li moħħna jkun mistrieħ ġaladarba jkollna vaċċin – sa dakinhar irridu nibqgħu għaddejjin bil-miżuri ta’ social distancing. Hija spjegat li fl-aħħar mill-aħħar il-poplu jrid ikun imlaqqam b’dan il-vaċċin.