Lokali

“2,000 persuna self employed ma’ aġenti tal-propjetà jeħtieġu għajnuna mill-Gvern”

“Il-ħaddiema tagħna għandhom bżonn appoġġ finanzjarju f’dan il-mument diffiċli. Mal-2,300 persuna huma impjegati b’mod dirett mal-aġenti tal-propjetà. Hemm ukoll mal-2,000 li huma self employed u jaħdmu b’commission. Bħalissa s-settur tagħna wieqaf għal kollox u dan ifisser li dawn il-ħaddiema self employed fuq commission spiċċaw bla dħul finanzjarju u dan qed joħloq piż kbir fuq il-familji tagħhom. Il-Gvern jeħtieg jgħin lill-impjegati b’mod immedjat, kif għamel ma setturi oħra tal-ekonomija. Is-self employed ma jistgħux jitħallew għal riħhom”.

Dan qaluh rapprezentanti ta’ aġenti tal-propjetà, li l-Ħamis filgħodu kellhom laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. L-Assoċjazzjoni spjegat kif dawn il-ħaddiema self employed jiddependu minn commissions għall-għixien tagħhom. Il-ħobża ta’ kuljum tagħhom hi l-commissions mill-bejgħ tal-propjetà.

Adrian Delia spjega kif il-Partit Nazzjonalista ma jaċċettax li l-Gvern ikun selettiv u jagħżel lil min jgħin u lil min iħalli barra. Il-Gvern għandu jgħin lill-ħaddiema u s-self employed, kemm jekk iħaddmu magħhom impjegati kif ukoll jekk huma self employed bla impjegati. Il-PN jibqa’ jitkellem f’isem il-ħafna self employed u ħaddiema li mhux jieħdu għajnuna mill-Gvern, u jibqa’ jinsisti mal-Gvern biex jestendi l-għajnuna lilhom ukoll. Ghalhekk saħaq Adrian Delia dawn il-ħaddiema fuq commission għandhom bżonn appoġġ minnufih mill-Gvern.

Dawn il-persuni għandhom familji li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli. Ma jistgħux jitħallew waħedhom. Mhux ġust li jitħallew waħedhom, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia matul din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Viċi Kapijiet  tal-PN David Agius u Robert Arrigo, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar,  s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej

Din l-istqarrija kienet iffirmata minn Kristy Debono, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Toni Bezzina u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi Edwin Vassallo.