Futbol Sport

37 SENA ILU: L-unika darba li Sliema Wanderers ġew relegati mill-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti

L-istaġun 1982/83 se jibqa’ mfakkar għal żewġ raġunijiet. L-ewwel kampjonat mirbuħ minn Ħamrun Spartans wara 36 sena iżda wkoll għar-relegazzjoni ta’ Sliema Wanderers mill-ogħla diviżjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom.

Fl-aħħar logħba tal-kampjonat, Sliema sfaw megħluba minn Hibernians 1-0 bil-gowl deċiżiv jasal proprju fl-aħħar minuta. Gennaro Camilleri pprova jbiegħed il-periklu minn viċin il-lasta wieqfa, il-ballun qabeż ħażin f’roqgħa bla ħaxix u l-ballun spiċċa f’saqajn GUŻI XUEREB li sab ix-xibka bil-gowlkiper Sciberras barra minn postu. Ir-referee Charles Scerri saffar tmiem il-partita madwar minuta u nofs wara.

Is-Slimiżi kellhom disa’ punti fi tmiem l-ewwel rawnd fi żmien meta kienu jingħataw żewġ punti ta’ kull rebħa. Iżda fit-tieni rawnd huma rebħu biss tliet punti, b’Sliema ma jsibux ix-xibka tmien darbiet minn kampjonat ta’ 14-il logħba.

Klassifika finali wara 14-il logħba: Ħamrun Spartans 24 punt, Valletta 16-il punt, Rabat 16-il punt, Hibernians 15-il punt, Żurrieq 14-il punt, Floriana 13-il punt, Sliema Wanderers, Żebbuġ Rangers 2 punti