Jippersistu l-ilmenti ta’ diversi familji illi fl-aħħar ġimgħat esperjenzaw żidiet varji fi prezzijiet ta’ prodotti bażiċi, inkluż prodotti tal-ikel u tal-iġene.
Jidher illi fost il-prodotti li l-prezzijiet tagħhom varjaw sew kien hemm l-għaġin, ġobon, ċereali, ħaxix tal-frixa u anke prodotti tal-ikel fil-laned. Uħud minn dawn iż-żidiet kienu riżultat ta’ aġġustamenti minn barra l-pajjiż.
Rapport fil-gazzetta l-Orizzont indika li xirja ikel diġa’ għoliet bi 8%. L-istess gazzetta tikwota importatur illi spjega kif, per eżempju, kien hemm prodotti li minn €2.50c il-prezz tagħhom sploda għal €8. L-importaturi qed isostnu li din iż-żieda minn barra mhi xejn għajr abbuż.
Dawk li tkellmu ma’ dan l-istazzjon ġibdu l-attenzjoni dwar prezzijiet għola anke fejn għandu x’jaqsam ma’ prodotti tal-ħasil, deterġenti, u prodotti oħra ta’ iġene personali.
Bħalissa hemm madwar 20,000 familja li qed ikunu provduti l-ikel minn foodbanks varji.
Il-Lifeline Foundation, per eżempju, qed tara żieda fil-familji vulnerabbli li jiddependu minn ‘food packs’ provduti kull ġimgħa. Fl-aħħar jiem, żdiedu il-familji li jiddependu minn ikel mogħti b’generozita mnn dan il-foodbank partikolari.
Wiehed irid ifakkar li d-dħul ta’ diversi familji u anzjani naqas drastikament fl-ahhar gimghat, u sa issa diġa’ kien hemm 800 ruħ li spiċċaw issensjati. Kalkoli inizjali juru li sal-aħħar tas-sena, dawk qegħda jafu jitilgħu ghal 25,000.
Intant, anzjani u persuni oħra li tkellmu ma’ Net News ilmentaw ukoll dwar żidiet fil-prezz ta’ ċertu mediċini. Dawn iż-żidiet kienu konfermati wkoll fl-aħħar jiem minn diversi uffiċjali tal-Gvern. Fost iż-żidiet fil-mediċina, kien hemm pilloli li jittieħdu għad-dijabete u l-pressjoni, kif ukoll ċertu inhalers.
//= $special ?>
