Jekk inti persuna li f’dawn il-jiem qed tfittex forma ta’ żvog tul dawn iċ-ċirkostanzi – nhar il-Ħadd 19 ta’ April ŻfinMalta ser ikunu qed jagħtu lezzjoni tal-ballet b’xejn online.
Fi stqarrija ġie spjegat li bħala parti mill-kampanja diġitali ‘Dance is us’, il-kumpanija taż-żfin nazzjonali qed tespolora diversi kunċetti, inkluż il-mod kif it-trawwim jifforma l-prattika artistika, u l-imħabba lejn l-arti, kemm għall-udjenzi, iżda wkoll għall-partiċipanti infushom.
Fil-fehma ta’ ŻfinMalta, l-isbaħ mod ta’ kif wieħed jesplora dal-kunċett huwa l-prattika: lezzjoni tal-ballet online, għal kull persuna, ta’ kwalunkwe abilità, oriġini, u età.
Paolo Mangiola, id-Direttur Artistiku ta’ ŻfinMalta, saħaq, “Inħares ‘il quddiem sabiex nhar il-Ħadd, nagħti din il-lezzjoni ħafifa tal-ballet lil kull min dejjem xtaq jipprova dan iż-żfin, iżda qatt ma sab il-ħin, jew forsi staħa. Jien u l-kollegi sħabi se nkunu qed nistennewkom sabiex tingħaqdu magħna f’din l-esperjenza!”
Il-klassi online, li hija b’xejn, ser tibda fis-6pm. Kull min hu interessat li jipparteċipa għandu jibgħat email fuq info@zfinmalta.org bit-titlu: ‘Ballet class with ŻfinMalta’. Fi ftit ħin imbagħad, tintbagħat lura l-istedina għal Zoom meeting, flimkien mal-informazzjoni neċessarja kollha.
Kulħadd – irrispettivament mill-abilità, oriġini, jew età, hu mistieden sabiex jattendi. Iż-żfin huwa għal kulħadd, u speċjalment fi żminijiet bħal dawn, kulħadd ħaqqu l-ferħ li jġib miegħu l-moviment. L-uniċi rekwiżiti huma l-immaġinazzjoni u l-kurżità tiegħek.
//= $special ?>