Coronavirus Lokali Transport

“Bdejna l-proċess ta’ mass redundancies fl-Air Malta” – il-Ministru Schembri

Il-Gvern jibqa' ma jridx jiltaqa' mal-ħaddiema

F’attakk ċar fuq l-impjegati tal-linja nazzjonali tal-ajru, il-Ministru Silvio Schembri dalgħodu stqarr li hemm min qed jagħmel “hijack tal-Air Malta”.

Il-Ministru għamel din id-dikjarazzjoni waqt li kien qed iwieġeb domandi tal-ġurnalisti, liema mistoqsijiet kienu indirizzati lejh bħala l-Ministru responsabbli mil-linja nazzjonali ta’ pajjiżna.

Ħafna ħaddiema diġa’ qablu li minħabba d-daqqa li qed tħalli l-pandemija tal-Covid-19 fuq is-settur tal-avjazzjoni, jaqilbu fuq paga ta’ €1,200.

Schembri minn naħa tiegħu insista li fl-Air Malta “il-Gvern se jieħu deċiżjonijiet iebsin”, tant li diġa’ inbeda l-proċess għal sensji f’ammonti kbar – dak li hu sejjaħ ‘mass redundancies’.

Il-Ministru saħaq li t-tibdiliet li hemm bżonn isiru, se jsiru.

Hu qal ukoll li għandu fiduċja sħiħa fil-management tal-Air Malta, fejn hemm iz-ziju tiegħu – l-eks Ministru Laburista Charles Mangion – bħala chairman.