Numru ta’ anzjani li kienu pazjenti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ġew rilokati f’akkomodazzjoni oħra, lukanda fir-Rabat, fl-akwati tal-istess sptar.
Il-pazjenti kienu kollha kemm huma qed jokkupaw ir-Residenza Sant’Anna fl-istess sptar u għaldaqstant issa hemm mal-120 sodda fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex iddedikati għall-pazjenti infettati bil-Covid-19.
Fi stqarrija l-Gvern spjega li din il-lukanda ġiet mgħammra għal dar tal-anzjani u għandha l-potenzjal li tilqa’ mal-għoxrin anzjan ieħor. B’kollox ġew rilokati 72 anzjan flimkien mal-membri tal-istaff.
Ta’ min wieħed jinnota li l-Għawdxija li ttestjat pożittiv fl-aħħar jiem kienet taħdem bħala clerk fl-istess lukanda fejn ġew rilokati dawn l-anzjani. Però l-Awtoritajiet tas-Saħħa spjegaw li l-lukanda ġiet iffumigata qabel dawn ma’ ġew rilokati.
Ġie spjegat ukoll li kemm ir-residenti kif ukoll il-membri tal-istaff ġew swabbed kollha kemm huma filwaqt li l-ħaddiema ser ikunu provduti l-PPEs neċessarji.
