Iċ-Ċina qed tiċħad li pruvat taħbi ‘dolożament’ in-numru proprju ta’ imwiet mill-effetti tal-coronavirus f’artha. Dan wara li l-awtoritajiet Ċiniżi żiedu 1,290 oħra mal-istatistika traġika dovuta għall-Covid-19 fil-pajjiż.
Zhao Lijian, il-kelliem għall-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, ċaħad li kien hemm xi ‘cover-up’ f’dan is-sens u insista li l-Gvern komunista f’Beijing ‘mhu se jippermetti qatt li dawn l-affarijiet isiru’.
Madankollu, id-data provduta miċ-Ċina dwar il-coronavirus ilha l-ġimgħat tqajjem dubji sostanzjali – bil-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, isostni li ‘iċ-ċifri tal-vittmi uffiċjali qegħdin jidhru ftit wisq għal pajjiż kbir daqs iċ-Ċina’.
Il-President ta’ Franza, Emmnauel Macron, waqt intervista, qal li ‘fiċ-Ċina seħħew diversi affarijiet li ma nafux dwarhom’ – bil-belt Ċiniża ta’ Wuhan, li sa ftit xhur ilu kienet l-epiċentru tal-virus, iżżid iċ-ċifra tal-vittmi tal-Covid-19 ‘fi ħdanha’ b’xejn anqas minn 50 fil-mija.
Il-kelliema f’Wuhan qalu li ċ-ċifri riveduti huma riżultat ta’ ‘rappurtaġġ aġġornat u l-inklużjoni fiċ-ċifra ta’ aktar imwiet li seħħew barra l-isptarijiet’. Fil-fatt, l-1,290 fatalijiet inkwistjoni oriġinaw proprju f’Wuhan, bl-uffiċjali lokali jinsistu li ‘ħadd qatt ma pprova jaħbi l-vera statistika’.
Mhix l-ewwel darba li ċ-Ċina spiċċat akkużata b’li pruvat timminimizza l-gravità tal-coronavirus fost il-firxa tal-infezzjonijiet. Dan fost allegazzjonijiet j li l-awtoritajiet komunisti f’Beijing anki pruvaw iqarrqu bl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-ewwel ġimgħat tal-pandemija.
Il-ħdax-il miljun residenti ta’ Wuhan damu x-xhur jgħixu taħt kundizzjonijiet stretti ta’ lockdown li tneħħew biss, ftit taż-żmien ilu.
L-aħħar ċifri uffiċjali, intant, żiedu ċ-ċifra tal-mewt fil-provinċja Ċiniża ta’ Hubei għal 3,689 – bit-total nazzjonali jaqbeż għal aktar minn 4,600.
Stqarrija minn Wuhan qalet li ċ-ċifri riveduti seħħew minn data ġdida provduta minn diversi sorsi, inklużi l-entitajiet li jieħdu ħsieb il-funerali u l-uffiċjali tal-ħabsijiet. Jidher, intant, li l-imwiet (mill-coronavirus) tan-nies barra l-isptarjiet ma kenux irreġistrati fl-istatistika ‘preċedenti’ taċ-Ċina.
Ingħad ukoll li l-verifika segwiet l-isforzi tal-awtoritajiet Ċiniżi ‘biex jaċċertaw li l-informazzjoni dwar il-pandemija tal-Covid-19 f’Wuhan hi trasparenti u preċiża’. L-istqarrija kompliet li s-sistemi tas-saħħa, inizjalment, ma setgħux ilaħħqu mal-infezzjonijiet u li xi każi ‘kienu rappurtati bi żball waqt li oħrajn setgħu ġew magħdudin akar minn darba’.
Kien hemm ukoll sitwazzjoni (skont ir-rapporti miċ-Ċina) li nuqqas ta’ kapaċità għat-testijiet fil-fażi inizjali tal-infezzjonijiet wasslet biex ħafna pazjenti infettati ma jkunux irreġistrati ‘mal-lista’.
Iċ-Ċina kkonfermat kważi 84,000 infezzjoni bil-coronavirus – b’dan jammonta għas-seba’ l-ogħla ċifra fuq livell globali. Dan meta l-Covid-19 ħalla impatt sinifikanti għall-ekonomija ta’ dan il-pajjiż li, bejn Jannar u Marzu, naqas għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin.
//= $special ?>