Internazzjonali

Il-Coronavirus fil-Ġappun: Il-Prim Ministru Abe kritikat dwar ir-reazzjoni għall-emerġenza nazzjonali

Il-Prim Ministru tal-Ġappun, Shinzo Abe, qed jiffaċċja kritika konsistenti wara li fl-aħħar jiem kienet irreġistrata qabża kbira fl-ammont tal-infezzjonijiet mill-coronavirus fil-pajjiż.

Il-Ġappun, issa, iddikjara stat ta’ emerġenza effettiv għall-pajjiż kollu u meta s-sitwazzjoni ‘lokali’ tal-Covid-19 tidher qed taqleb għall-agħar.

L-istat ta’ emerġenza – li għandha tibqa’ infurzata sas-6 ta’ Mejju – jippermetti lill-Gvernijiet reġjonali tal-Ġappun biex jordnaw lin-nies biex ma joħorġux minn djarhom minħabba l-periklu ta’ infezzjoni. Madankollu, hu minnu li d-direttivi speċifiċi ma jinkorporaw l-ebda miżuri punittivi jew forza legali.

Il-Prim Ministru Abe, qabel, kien iddikjara stat ta’ emerġenza effettiv għal xahar f’seba’ reġjuni tal-pajjiż.

Hu, issa, ikkonferma – waqt laqgħa speċjali għall-esperti mediċi – li z-zoni fejn għandu jkun implimentat l-istat ta’ emerġenza se jkunu estiżi minn seba’ reġjuni għar-reġjuni kollha tal-Ġappun.

Madankollu, aktar ma jiżdiedu l-infezzjonijiet bil-Covid-19 fil-Ġappun, aktar qed issir qalila l-kritika għall-politika ‘inizjali’ ta’ Shinzo Abe fil-konfront tal-kriżi.

Stħarriġ popolari speċifiku wera li 75 fil-mija tan-nies li wieġbu għalih jemmnu li l-Prim Ministru dam iż-żejjed biex jiddikjara stat ta’ emerġenza f’Tokjo.

Wara l-aħħar spinta ta’ każi tal-coronavirus fil-kapitali Ġappuniża, l-esperti wissew li l-faċilitajiet mediċi ta’ emerġenza f’din il-belt kapaċi jikkrollaw taħt il-pressjoni. Dan waqt li l-uffiċjali fil-kapitali wkoll ħeġġew lin-nies biex jaħdmu mid-dar.

Wara li l-istat tal-emerġenza inizjali daħal fis-seħħ fil-Ġappun fit-8 ta’ April, numru ta’ gvernaturi reġjonali oħra sejħu biex il-miżuri jkunu estiżi għaz-zoni tagħhom. Huma qalu li l-infezzjonijiet fl-ibnadi tagħhom kienu qed jiżdiedu u li l-faċilitajiet mediċi fl-inħawi ma setgħux ilaħħqu mal-piż.

Iż-żewġ assoċjazzjonijiet għall-emerġenzi mediċi fil-Ġappun anki ħarġu stqarrija konġunta bit-twissija li ‘jinsabu allarmati dwar il-kollass potenzjali tas-sistema għall-emerġenzi mediċi’.

Is-Sindku ta’ Osaka, fil-fatt, appella biex in-nies jagħmlu donazzjonijiet ta’ raincoats li jistgħu jintużaw għall-protezzjoni personali tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li qegħdin jikkumbattu l-coronavirus. Dan meta l-ħaddiema qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ ilbies u tagħmir protettiv adatti biex jindirizzaw il-pandemija.

Minkejja li l-Ġappun irreġistra l-ewwel każ tal-coronavirus aktar minn tliet xhur ilu, l-awtoritajiet lokali għadhom qed jittestjaw biss perċentwali żgħir tal-popolazzjoni – kuntrarju għall-Korea t’Isfel li, fil-parti kbira, ġabet l-epidemija f’artha taħt kontroll permezz ta’ programm ta’ testijiet fuq skala kbira.