Internazzjonali

Il-Covid-19 ‘taħt kontroll’ fil-Ġermanja

Il-Ministru tas-Saħħa fil-Ġermanja, Jens Spahn, qal li l-epidemija tal-coronavirus f’pajjiżu tinsab ‘mill-ġdid taħt kontroll’ wara miżuri għal-lockdown.

Spahn kien ikkwotat li ‘in-numru tal-infezzjonijiet naqas b’mod sinifikanti, speċjalment meta qed jitkellmu dwar ir-rata relatattiva minn ġurnata għall-oħra’.

Il-Ministru kompla li contact tracing app ġdid għall-coronavirus se jkun lest ‘fi kwistjoni ta’ ġimgħat’ għall-użu tal-poplu.

Dan meta l-Ġermanja kienet imfaħħra diversi drabi għall-programmi aggressivi li implimentat biex il-massimu taċ-ċittadini jkunu suġġetti għal testijiet għall-coronavirus.

Il-pajjiż għandu qrib il-138,000 każi pożittivi, skont l-evalwazzjoni tal-Johns Hopkins University. It-3,868 mejtin mill-effetti tal-virus fil-Ġermanja jitqiesu bħala numru relattivament żgħir għal pajjiż tad-daqs tal-Ġermanja.

Fil-fatt, il-Ministru Spahn qal ukoll li l-ammonti tal-pazjenti lokali li fiequ mill-coronavirus kienu ogħla mill-ammonti tal-infezzjonijiet ġodda ( fil-Ġermanja) għal kull ġurnata ta’ din il-ġimgħa.

Lothar Wieler, il-President tar-Robert Koch Institute, qal li r-rata tat-trasmissjoni tal-Covid-19 fil-Ġermanja niżlet għal -1 – li jfisser li persuna infettata qed tinfetta ‘anqas minn persuna oħra’ bħala medja.

Sadanittant, il-pajjiż qed jikkunsidra jekk inaqqasx xi restrizzjonijiet għall-movimenti tal-Ġermaniżi u biex il-ħajja tavviċina element ta’ normalità.

L-aħħar rapporti qalu li l-ħwienet iż-żgħar u ta’ daqs medju jistgħu jerġgħu jiftħu mill-ġimgħa d-dieħla, b’numru ta’ skejjel fil-Ġermanja mistennija jkomplu bit-tagħlim mill-bidu ta’ Mejju.