Lokali

Il-Gvern jikkonferma li mhux ippreparat bi strateġija għall-E-Learning

Studenti, ġenituri u għalliema jbatu l-konsegwenzi tan-nuqqas t’ippjanar tal-Gvern

Il-fatt li sal-lum stess il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed iħabbar li għadu qed iħarreġ lill-għalliema u l-edukaturi nfushom fl-użu tat-teknoloġija tal-E-Learning juri kemm il-Gvern fi kliemu stess ma’ kienx ippreparat.

Dan saħqu L-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv, Clyde Puli, fejn sostna li dawn iż-żminijiet ta’ kriżi kixfu diversi nuqqasijiet fl-istrateġija u l-implimentazzjoni tal-użu tat-teknoloġija moderna tal-E-Learning.

Clyde Puli saħaq li dawn in-nuqqasijiet qed ibatu għalihom fuq kollox l-istudenti Maltin u Għawdxin. Huwa saħaq li l-Ministru tal-Edukazzjoni llum ikkonferma dak li ilha tghid l-Oppożizzjoni, li l-Ministeru tal-Edukazzjoni la’ kien qed jimplimenta strateġija long term ta’ E-Learning b’pass tajjeb kif jitolbu ż-żminijiet tal-lum u lanqas ma’ kien ippreparat bi strateġija short term għal dan il-perjodu tal-għeluq tal-iskejjel.

F’dak li huwa short term, kompla CLyde Puli,  il-Ministeru tal-Edukazzjoni l-anqas uża b’mod tajjeb il-ħmistax ta’ qabel għalqu l-iskejjel biex jippjana l-eventwalità u l-immitigar tal-effetti tal-għeluq tal-istess skejjel fuq l-istudenti, l-ġenituri u l-għalliema nfushom.

Fil-fatt l-ippjanar u l-preparazzjoni bdew wara. Dan wassal biex is-sitwazzjoni llum hija fermi ‘l bogħod mit-trinjomfaliżmu tal-Gvern li dalgħodu ddikjara li ” u fil-fatt irrid ngħid li rnexxielna…niġu għal sitwazzjoni fejn it-tagħlim minn sistema tradizzjonali, fejn it-tagħlim isir fil-klassi, dan għadda f’perjodu qasir ħafna, għal tagħlim onlajn.” Għall-kuntrarju l-għalliema u l-ġenituri jafu sew bin-nuqqqsijiet li qed ikollhom jiffaċċjaw minħabba nuqqas t’ippjanar fit-tul min-naħa tal-Gvern. Kulħadd jaf li d-digital divide qed tinħass minn diversi lati li parti minnha ġejja mill-kundizzjonijiet soċjali tat-tfal imma parti oħra ġejja min-nuqqas ta’ preparazzjoni tal-Gvern. Id-disparità qed tinħass mhux biss minn familja għall-oħra iżda wkoll minn skola għall-oħra u minn klassi għall-oħra.

L-Oppożizzjoni terġa’ tirringrazzja lill-mexxejja tal-iskejjel u lill-edukaturi kollha li b’inizjattivi personali u fi żmien qasir ħafna, għamlu tajjeb għan-nuqqas tal-Gvern, xammru l-kmiem u qed jagħmlu ħilithom kollha biex uliedna jibqgħu għaddejjin bl-edukazzjoni tagħhom. Tassew għandna biex inkunu kburin bikom. L-Oppożizzjoni tappella lill-Gvern biex jaħtaf l-okkażjoni biex iħaffef l-ippjanar u l-istrateġija dwar għodod ġodda fl-edukazzjoni biex joffri opportunitajiet tajbin biex uliedna jirnexxu lkoll anke fi żminijiet ta’ kriżi