Coronavirus Futbol Sport

Il-klabbs tal-Ewwel Diviżjoni b’rakkomandazzjoni biex il-kampjonat ma jitkompliex

Il-klabbs tal-Ewwel Diviżjoni jinsabu mħassba ferm bis-sitwazzjoni preżenti kawża tal-coronavirus, tant li qed jirrakkomandaw biex il-kampjonat li kien fadallu seba’ logħbiet ma jitkompliex. Kawża ta’ din il-pandemija, il-klabbs kollha ta’ din id-diviżjoni, tilfu kull mezz ta’ introjtu minn sponsors kif ukoll ġbir ta’ fondi li fuqhom il-klabbs tal-Ewwel Diviżjoni jiddependu fuqhom.

Il-kampjonat tal-istaġun li ġej ukoll se jkun affettwat, dejjem jekk ikunu jistgħu jipparteċipaw. Ir-raġuni prinċipali hi li ma għandhomx flus minn fejn iħallsu aktar pagi jekk jiġu mitluba li jkomplu l-istaġun preżenti. Huma rrimarkaw il-fatt li f’dan l-istaġun kien hemm 11-il ġimgħa mingħajr logħob u għalhekk qed jitolbu li l-istaġun li ġej ikun imqassar. Rakkomandazzjoni oħra hi li l-emendi li kienu deħlin fis-seħħ dwar plejers amateurs jiġu sospiżi b’sena. Huma talbu lill-MFA, il-UEFA u l-FIFA biex jgħinuhom finanzjarjament f’dawn ix-xhur diffiċli.

L-erbatax-il klabb iddikjaraw li ssospendew il-ħlasijiet mill-obbligi kuntrattwali li għandhom mal-plejers u l-kowċis. Dan minbarra obbligi oħra fosthom kirjiet, kontijiet tad-dawl u l-ilma u spejjeż, fi żmien meta huma mingħajr introjtu. Il-klabbs iddikjaraw f’riżoluzzjoni li evidentament jitmexxew b’mod volontarju mingħajr garanzija ta’ dħul. Kawża ta’ din il-pandemija jħossu li mhumiex f’pożizzjoni li jħallsu aktar pagi jekk ma jidħlux fid-dejn.

Minkejja l-limitazzjonijiet tagħhom, il-klabbs tal-Ewwel Diviżjoni ddikjaraw li bi sforz kbir se josservaw id-direzzjoni mogħtija mill-Gvern u se jiggarantixxu li jħallsu l-minimu ta’ €800 li hu dovut għall-impjegati full-time. Huma se jkunu qed iħallsu lill-plejers tagħhom sal-aħħar ġurnata li niżlu għat-taħriġ, b’effett sal-aħħar tas-sena. Ir-riżoluzzjoni tgħid li hemm problemi oħra marbuta ma’ poloz ta’ assikurazzjonijiet li jiskadu fl-aħħar ta’ Ġunju jew Lulju filwaqt li jridu jiġu mġedda l-permessi tax-xogħol għal uħud mill-plejers.

Il-klabbs li ffirmaw ir-riżoluzzjoni huma Fgura United, Lija Athletic, Mqabba, Naxxar Lions, Pembroke Athleta, Pietà Hotspurs, Qormi, Qrendi, St. Andrews, St. George’s, Swieqi United, Vittoriosa Stars, Żebbuġ Rangers u Żejtun Corinthians.