‘’Intom it-tarka ta’ pajjiżna. Malta troddilkom ħajr. Kull wieħed u waħda minnkom tirriskjaw ħajjitkom u saħħitkom biex tipproteġu lil pajjiżna. Lilna lkoll. Tagħmlu dan b’sagrifiċċju kbir, ħafna drabi l-bogħod mill-familji tagħkom. Grazzi. Grazzi mill-qalb. Intom l-Armata ta’ Malta’’.
Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta l-Ġimgha filgħodu żar il-Forzi Armati Maltin biex jirringrazzjhom tal-ħidma kbira tagħhom b’riżq pajjiżna, dejjem, u b’mod speċjali fiċ-ċirkostanzi diffiċli li pajjiżna għaddej minnhom bħalissa. Il-Brigadier Jeffrey Curmi, flimkien ma’ ufiċcjali għolja oħra tal-armata, spjegaw lil Adrian Delia dwar kif joperaw it-taqsimiet differenti tal-Forzi Armati, kif ukoll urewh ir-riżorsi li jaħdmu bihom l-iskwadri marittimi u dawk tal-ajru. F’dan il-mument ta’ krizi, qal Adrian Delia, l-poplu Malti jagħraf is-sehem kruċjali tal-Armata Maltija biex thares is-sigurta’ ta’ pajjiżna – biex tagħti serħan il-moħħ lill-poplu Malti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega kif l-Oppożizzjoni tappoġġja l-inċentiv finanzjarju li se jingħataw is-suldati Maltin li qed jagħtu servizz kruċjali f’mument tant straordinarju.Ħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex iħares is-saħħa tal-membri tal-Forzi Armati billi jipprovdilhom tagħmir mediku protettiv meħtieġ ħalli jipproteġu saħħithom quddiem l-imxija tal-Covid-19.
Adrian Delia qal li ħafna drabi pajjiżna qed iġorr piż kbir hafna meta wiehed iqis ir-riżorsi li għandna, anke għaliex minkejja li t-terittorju tal-art tagħna huwa limitat, it-territorju marittimu huwa kbir ħafna. Saħaq dwar il-ħtieġa li pajjiżna jingħata aktar għajnuna mill-Ewropa sabiex inkunu nistgħu inkomplu ngħassu l-fruntieri tagħna u dawk Ewropej.
Adrian Delia zar l-Iskwadra Marittima f’Haywharf, l-Iskwadra tal-Ajru f’Hal Luqa u r-Regiment Numru Wiehed f’Hal Far.
Matul din iż-żjara, l-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat minn Beppe Fenech Adami, kelliem tal-Oppożizzjoni ghall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali.
//= $special ?>