F’nofs il-kriżi finanzjarja li għaddejja minnha l-linja nazzjonali tal-ajru, il-preżentatur Laburista Karl Stagno Navarra ħa l-paga kollha għax-xahar ta’ Marzu. U dan meta l-impjegati tal-kumpanija ntalbu jagħmlu sagrifiċċji finanzjarji kbar, b’parti sostanzjali mill-paga tagħhom imnaqqsa, bit-tama li tissalva l-linja nazzjonali tal-ajru.
Iżda mistoqsi direttament minn NET News, Stagno Navarra ma ċaħadx li ngħata l-paga sħiħa. Dan meta, minn informazzjoni li għandu NET News, il-preżentatur Laburista għandu paga ta’ €40,000 fis-sena għall-impjieg ta’ Kelliem tal-Air Malta – ċifra li hu stess ikkonferma magħna. Hu ngħata dan l-impjieg f’Awwissu li għadda.
Id-dikjarazzjoni ta’ Stagno Navarra waslet ftit sigħat biss wara li l-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri, responsabbli mill-Air Malta, attakka lill-impjegati tal-kumpanija u saħansitra akkużahom li qed jagħmlu “hijack”.