Konfużjoni fiċ-ċifri ta’ kemm huma dawk li qed jirċievu għajnuniet finanzjarji fid-dawl tal-isfidi li qed iġib miegħu l-Coronavirus. Dan hekk kif, fit-tnedija tal-aħħar pakkett finanzjarju, il-Prim Ministru Robert Abela kien ftaħar b’ħafna pompi li l-Gvern se jkun qed jgħin aktar minn 110,000 persuna.
Iżda f’konferenza tal-aħbarijiet biex ikun spjegat kif qed jitqassmu dawn il-pakketti, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li fil-verità, iċ-ċifra tal-persuni li qed jingħataw l-għajnuna tammonta għal 77,000 jew aktar minn 30,000 differenza miċ-ċifra mogħtija mill-Prim Ministru.
Konfużjoni li tkompli tħawwad l-imħuħ tal-Maltin u l-Għawdxin anke meta wieħed iqis li l-għajnuniet qed ikunu mmonitorati u eventwalment approvati mill-Malta Enterprise, immexxija mill-istess Kurt Farrugia.
Ironikament, matul l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-Gvern ta’ Robert Abela ma joqgħodx fuq iċ-ċifri li tagħti l-Oppożizzjoni.
Min-naħa tiegħu, mistoqsi minn NET News, Farrugia – li għal numru ta’ snin kien imexxi l-Komunikazzjoni tal-Gvern u tal-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat – qal li ma jafx eżatt kemm kien it-tnaqqis mill-paga tiegħu suppost b’solidarjetà lejn il-kumpaniji privati u l-impjegati tagħhom li bħalissa qed jiffaċċjaw sfidi ekonomiċi.
Fil-fatt, hu ċċara li ordna tnaqqis li jammonta sa 20% mill-paga tiegħu, li jfisser li għalissa, xorta qed jaqla’ €400 kuljum minflok il-€500 li skont il-kuntratt li ngħata, kien qed jirċievi kuljum.
Sadanittant, fil-konferenza tal-aħbarijiet ħareġ ċar ukoll kemm il-Gvern jidher li mhux jifhem l-isfidi li l-kumpaniji privati qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Għax minkejja li ħafna kumpaniji ntlaqtu indirettament ħażin mill-għeluq ta’ ħwienet u uffiċċji li ntalbu jagħlqu mill-Gvern, il-Ministru tal-Ekonomija qal li hemm ammont ta’ fabbriki li saħansitra żdiedilhom ix-xogħol.
Dan ukoll jistona mal-karba ta’ ħafna, li f’dan l-istadju, qed jappellaw lill-Gvern għal aktar għajnuna biex jevitaw milli jissensjaw lill-impjegati tagħhom jew saħansitra jagħlqu l-bibien għalkollox. Fil-fatt, dawn qed jgħidu li l-waqfien ta’ ċerti negozji qed iwassal biex anke huma jieqfilhom ix-xogħol għalkollox.
//= $special ?>