“Qatt ma pretendejna din in-nuqqas ta’ empatija mid-Dekan”
Illum, ftit ġimgħat biss qabel is-sessjoni tal-eżamijiet – il-Fakultà tal-Liġi fi ħdan l-Università ta’ Malta ddeċidiet li kontra kull appell timponi fuq l-istudenti eżamijiet online mid-dar.
Dan saħqitu fi stqarrija l-Għaqda tal-Istudenti tal-Liġi hekk kif ġie spjegat li minkejja l-oppożizzjoni qawwija mill-għaqdiet studenteski li lkoll kemm huma saħqu li l-aħjar soluzzjoni kellha tkun li tingħata marka fuq l-assignments. L-GħSL spjegaw li ma ngħatat l-ebda spjega rigward din id-deċiżjoni li bosta huma kontra.
Fi stqarrija ġie spjegat li d-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi sostna li l-istudenti ma jistgħux jiddettaw kif ser ikunu qed jiġu eżaminati huma stess. L-għaqda studenteska saħqet li wara li faqqgħet il-pandemija ta’ Covid-19 kienet ovja li l-eżamijiet ta’ Ġunju kienu ser jiġu kanċellati jew jinsab mezz alternattiv kif ser jiġu eżaminati l-istudenti u għaldaqstant kien ġie propost li l-istudenti jiġu eżaminati fuq bażi ta’ assignments.
Wara li seħħet din il-proposta, GħSL spjegat li grupp ta’ rappreżentanti tal-istudenti kellhom jivvotaw dwar din il-materja flimkien mad-Dekan u l-Head of Departments madanakollu dan id-dritt ta’ vott tneħħielhom u d-deċiżjoni li ttieħdet tmur kontra dak kollu li appelaw għalih l-istudenti.
L-istudenti saħqu li d-deċiżjoni li jsiru eżamijiet online mid-dar mhux biss ittieħdet ftit ġimgħat biss qabel dawn l-eżamijiet iżda saħqu li l-istudenti fl-aħħar ġimgħat ma kienux qed jirċievu l-lectures adegwati onlajn u għaldaqstant saħqu li qed jiġu mġiegħla jpoġġu għal eżamijiet dwar suġġetti li l-fakultà falliet milli tippreparahom sew għalihom.
Huma saħqu li mhux sew li wieħed jistenna standard għoli mill-istudenti meta l-fakultà stess falliet milli tipprovdi tagħlim ta’ standard għoli f’dawn iċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom.
Fl-istqarrija ingħad li kontra kull mistennija, minflok jempatizzaw mad-diffikultajiet tal-istudenti, id-Dekan u l-bord iddeċidew li jinjoraw it-tħassib tal-istudenti u jgħabbuhom b’aktar inkwiet.
//= $special ?>