Coronavirus Internazzjonali

Linji gwida mill-White House għall-Istati Amerikani biex jiftħu mil-ġdid

Ritratt ta' Times Square fi New York qabel il-miġja tal-Covid-19

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ħabbar linji gwida sabiex stati individwali jkunu jistgħu bil-mod il-mod, jerħu ir-restrizzjonijiet li hemm bħalissa minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Skont l-aħħar ċifri, l-Istati Uniti għandhom iktar minn 654,000 każ konfermat u kważi 33,000 persuna li tilfu ħajjihom kawża tal-pandemija.  Waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-White House, Trump qal li l-Gvernaturi tal-Istati se jkunu qed imexxu dan il-proċess u wiegħed appoġġ mill-Gvern federali.  Qal ukoll li hu tal-fehma li mad-29 mill-50 Stat jistgħu jerġgħu jiftħu għal attivita’ ekonomika dan ix-xahar stess.

Fl-Ewropa: xi pajjiżi jerħu restrizzjonijiet, oħrajn jestendu l-lockdown

Intant, fl-Ewropa, diversi pajjiżi qed jieħdu miżuri differenti skont is-sitwazzjoni individwali tagħhom.

L-Awstrija, id-Danimarka u Spanja bdew iħallu xi negozji jerġgħu jiftħu, bil-Gvern Daniż l-iktar wieħed li jerħi restrizzjonijiet.

Il-Ġermanja u l-Polonja ħabbru li se jneħħu xi restrizzjonijiet fil-jiem li ġejjin filwaqt li fl-Italja, numru limitat ta’ negozji se jitħallew jiftħu fir-reġjuni l-inqas affetwati.

Min-naħa l-oħra, il-Gvernijiet tar-Renju Unit u ta’ Franza ħabbru li l-lockdown se jkun estiz sa tliet ġimgħat oħra u sal-11 ta’ Mejju rispettivament.