“Lis-Senior Management jaqtgħulhom 10% u lill-bdoti 90%”
Id-dikjarazzjonijiet li għamlu dalgħodu l-Air Malta u l-Ministru Silvio Schembri huma fażulli. Dan saħqitu l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-bdoti tal-Air Malta fejn fi stqarrija tat deskrizzjoni dettaljata tal-avvenimenti fl-aħħar 3 ġimgħat. Dan wara li l-Ministru tal-Ekonomija kif ukoll li għandu l-Air Malta taħt il-portafoll tiegħu, saħaq li xi ħadd qed jiprova jagħmel ‘hijack’ mil-linja tal-ajru.
L-Assoċjazzjoni saħqet li dan id-diskors tal-Ministru huwa wieħed mhux f’postu fid-dawl taċ-ċirkostanzi l-għaliex l-impjegati tal-Air Malta, fosthom ukoll il-bdoti, sa minn dejjem wettqu dak mitlub minnhom f’effikaċa, u diliġenza liema bħala.

L-ALPA spjegat li lura fl-24 ta’ Marzu hija ġiet msejħa flimkien ma’ unjins u assoċjazzjonijiet oħra għal laqgħa urġenti mal-Kap Eżekuttiv tal-linja tal-ajru nazzjonali. Hawnhekk, Clifford Chetcuti, skont l-ALPA spjegalhom li kien sejħilhom mhux għal diskussjoni imma biex jippreżentalhom il-pjan li fuqu kienet ser timxi l-Air Malta fid-dawl taċ-ċirkostanzi imposti mill-pandemija.
L-ALPA saħqet li dan l-aġir kellu jkun l-ewwel indikazzjoni dwar kif l-affarijiet kienu ser ikunu qed jimxu, “b’gideb u qerq”. Sussegwentament diversi assoċjazzjonijiet qajmu rashom u saħqu li ma kien hemm l-ebda forsma ta’ konsultazzjoni aħseb u ara jekk kienx hemm forma ta’ qbil.
L-Assoċjazzjoni saħqet li l-kumpanija tal-linja tal-ajru ħejjiet pjan maħsub minn qabel, u użat l-iskuża tal-Covid-19 bil-għan li tixħet fil-ġenb il-Collective Agreements li ġew iffirmati madwar sentejn ilu. Sadanittnat, l-ALPA spjegat li għal aktar minn darba talbet lill-management tal-Air Malta sabiex issir konsultazzjoni urġenti – madanakollu dawn it-talbiet dejjem waqgħu fuq widnejn torox.

Sal-1 ta’ April, l-ALPA saħqet li kienet għadha qed tinsisti sabiex issir laqgħa ta’ konsultazzjoni bejnhom u bejn l-Air Malta u l-għada din it-talba ntlaqgħet. L-ALPA saħqet li dan il-meeting dam nofs siegħa bl-arloġġ, fejn il-Kap Eżekuttiv Clifford Chetcuti għamilha ċara u tonda li l-ftehim kien diġà milħuq. Madanakollu l-Assoċjazzjoni saħqet li hija tirrapreżenta l-maġġoranza tal-bdoti tal-Air Malta u għaldaqstant baqgħet tisħaq li għandha ssir laqgħa ta’ konsultazzjoni b’serjetà fejn ikollha wkoll l-opportunità li tippreżenta l-proposti tagħha wkoll.
Tlett ijiem wara, il-linja tal-ajru minflok laqgħet it-talba tal-ALPA, hija informata li ġiet kostretta tieħu miżuri drastiċi għall-aħjar tal-kumpanija – liema deċiżjoni issa nafu li hija dik li jkeċċu numru kbir ta’ bdoti.
Fl-applikazzjoni li ngħatat lid-DIER, l-ALPA spjegat li l-Air Malta kkonfermaw li l-linja tal-ajru ma kienetx interessata tidħol f’diskussjoni mal-Assoċjazzjoni kif ukoll indikat li mhux ser tkompli ssegwi l-obligazzjonijeit tal-ftehim kollettiv. u l-pakkett li jinvolvi.
“Ilhom 30 sena jaħdmu magħhom, u lanqas konsiderazzjoni biex isemmgħu leħinhom qabel ikeċċuhom”
Dan kollu jfisser li bdoti li ilhom iservu l-kumpanija għal dawn l-aħħar 30 sena ser jispiċċaw jitkeċċew f’ħakka t’għajn, bla ebda konsiderazzjoni żejda u mingħajr ma ngħataw r-riżorsi neċessarji biex isemmgħu leħinhom. L-ALPA kompliet tisħaq li dan huwa l-istat li l-linja tal-ajru spiċċat titmexxa fih – bil-kumpanija tgħakkes lil dawk l-impjegati li dejjem kienu leali lejha. L-Assoċjazzjoni ddeskriviet lill-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta bħala persuna li għandu imġieba ta’ “predatur u opportunist”.

L-ALPA kompliet tgħid fl-istqarrija li fis-7 ta’ April ingħatat l-opportunità għal laqgħa oħra fejn spikka n-nuqqas tal-preżenza tas-CEO tal-kumpanija. Waqt din il-laqgħa ġie spjegat mill-management tal-Air Malta li l-Kap Eżekuttiv, Clifford Chetcuti offra li jirrifjuta 70% tal-paga u bonuses tiegħu.
Wara din il-laqgħa ħareġ fid-deher li s-Senior Management tal-Air Malta aċċettaw li jaqtgħulhom biss 10% mill-paga – filwaqt li kienu qed jippretendu li l-bdoti tal-Air Malta tonqsilhom 90% jew nkella jitkeċċew.
“L-għan ewlieni tal-management kien wieħed qarrieqi”
Għaldaqstant l-ALPA appellat li t-tnaqqis għandu jkun wieħed ġust ma’ kulħadd – minn fuq s’isfel u insistiet li sal-ħarġa tal-istqarrija s’issa għadha ma rċeviet l-ebda risposta dwar talba li jiltaqgħu mas-CEO.

Mhux biss dan ġie rifjutat iżda l-kumpanija nformat lid-DIER sabiex jingħata permess li tkeċċi 80% tal-bdoti tagħha sat-Tlieta 21 ta’ April, 2020. L-ALPA saħqet li dan l-aġir jikkonferma t-tir ewlieni tal-Air Malta; jiġifieri li ma tikkonsultax mal-impjegati tagħha iżda li timponi qbil permanenti. Dan l-għaliex l-Air Malta talbet lid-DIER ukoll sabiex il-perjodu ta’ konsultazzjoni ta’ 30 jum jonqos bin-nofs.
Fit-talba tagħha l-Air Malta għamlitha ċara li tul dawn il-15-il jum iridu jaqblu fuq ristruttura permanenti tal-kumpanija sabiex tkompli bil-ħidma tagħha ankè wara Covid-19. L-ALPA regħet saħqet li għaldaqstant l-għan ewlieni tal-Air Malta huwa li toħroġ mill-Collective Agreement li suppost huwa effettiv sal-2022.