Edukazzjoni Lokali

“Veru li ħa jkun hemm ‘gaps’ fis-sistema” – Owen Bonnici

Minkejja ċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom, xorta waħda t-tagħlim għandu jibqa’ għaddej. Dan sostnieh waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici fejn spjega li filwaqt li l-Gvern jifhem li dan huwa żmien sensittiv, waslu fi qbil mal-iskejjel tal-istat, knisja u tal-privat biex il-lezzjonijiet jibqgħu għaddejin.

Owen Bonnici stqarr dan wara li kien mistoqsi minn NET NEWS dwar jekk hux ser isiru arranġamenti fil-bqija tas-sillabu kawża taċ-ċirkostanzi li l-istudenti spiċċaw fihom minħabba l-Covid-19; domanda li kellha tweġiba vaga minn naħa tal-Ministru.

Owen Bonnici kien mistoqsi wkoll minn din il-kamra tal-aħbarijiet jekk il-Gvern hux ser ikun qed qed jagħti l-għajnuna tiegħu fejn għandu x’jaqsam ħlas ta’ miżati għat-tielet terminu ta’ din is-sena akkademika. Għal dan, il-Ministru sostna li minkejja li huwa minnu li l-Gvern għaddej bit-taħdidiet mal-iskejjel, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-ftehim li għamlu l-ġenituri mal-iskejjel privati huwa effettivament wieħed privat.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kap tal-Istitut tal-Edukazzjoni, Joanne Grima, tħabbru numru ta’ sessions ġodda ta’ tagħlim b’xejn għall-ġenituri kif ukoll għall-edukaturi minn issa sa Ġunju. Waqt dawn is-sessjonijiet, il-ġenituri ikunu jistgħu jitgħallmu dwar bosta suġġetti – kif ukoll kif għandhom jedukaw tfal bl-awtiżmu jew bl-ADHD.

Kien hawnhekk li l-Ministru Owen Bonnici sostna li mhux qed jitlob lill-ġenituri jagħmluha ta’ LSE iżda ammetta li hawn fejn is-sistema tiegħu għandha gap, anke fid-dawl tal-fatt li fir-realtà mhux kull tifel u tifla ser isibu s-sostenn edukattiv taħt is-saqaf ta’ darhom.

Il-Ministru saħaq li numru ta’ kumpaniji minn setturi varji offrew b’self kompjuters u tablets lill-Ministeru sabiex jingħataw lil tfal li forsi jaqsmu kompjuter wieħed id-dar bejn tlett aħwa.

Owen Bonnici stqarr li s’issa t-tir tal-Gvern hu li s-sena akkademika li jmiss tibda f’Ottubru.