Futbol Sport

13-IL SENA ILU: Il-Polonja u l-Ukrajna magħżula biex jorganizzaw il-Euro 2012

(Ritratt: EPA)

18 TA’ APRIL 2007

Il-Polonja u l-Ukrajna ġew magħżula biex jorganizzaw flimkien il-Kampjonat Ewropew tal-futbol fl-2012. L-aħbar tħabbret mill-UEFA f’Cardiff, biż-żewġ organizzaturi jegħlbu l-isfida tal-Italja u l-kandidatura konġunta tal-Kroazja u l-Ungerija. B’din l-għażla, il-Polonja u l-Ukrajna kienu se jorganizzaw il-Kampjonat għall-ewwel darba. Huma kisbu tmien voti kontra l-erba’ voti tal-Italja, bil-Kroazja u l-Ungerija ma jiksbu l-ebda vot.

Il-President tal-Federazzjoni Pollakka Michal Listkiewicz qal li l-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi għandha storja twila u kompla li dan it-tournament kellu jkun pass importanti fl-istorja taż-żewġ pajjiżi. Il-President tal-Federazzjoni tal-Ukrajna Grygoriy Surkis sejjaħ id-deċiżjoni bħala jum storiku għall-pajjiż tagħhom, kif ukoll opportunitajiet ġodda biex pajjiżhom jintegra ruħu fl-Ewropa.

Fuq in-naħa l-oħra, diżappunt kif mistenni fuq l-Italja. Il-Ministru tal-Isport tal-pajjiż f’dak iż-żmien Giovanna Melandri emmnet li dak li ppreżentaw kien tajjeb. Hi żiedet li l-UEFA għamlet għażla politika u sportiva fuq żewġ pajjiżi li daħlu riċentament fil-futbol Ewropew.

B’kollox kien hemm il-ħsieb li l-logħob jintlagħbu fi tmien stadiums, erba’ kull pajjiż. Fil-Polonja l-istadiums huma ta’ Gdansk, Poznan, Varsavja u Wroclaw filwaqt li l-istadiums fl-Ukrajna huma Kiev, Donetsk, Kharkiv u Lviv. L-istadium Olimpiku ta’ Kiev li ntuża biex intlagħbet il-finali tal-Olimpjadi ta’ Moska fl-1980, ġie magħżul bħala l-post li tintlagħab il-finali.