18 TA’ APRIL 1983
Fil-ħarġa tal-ġurnal Taljan La Gazzetta dello Sport tat-18 ta’ April ta’ 37 sena ilu, tħabbar li l-gowlkiper Taljan Dino Zoff kien se jirtira mit-tim nazzjonali Taljan. L-aħħar logħba tiegħu kienet jumejn qabel fit-telfa ta’ 1-0 kontra r-Rumanija, b’Zoff jistqarr li l-gowl li sofra kien speċi ta’ sentenza għalih.
Zoff għamel id-debutt mat-tim Taljan fl-20 ta’ April tal-1968 fir-rebħa ta’ 2-0 kontra l-Bulgarija fil-kwarti tal-finali tal-Kampjonat Ewropew. Il-gowlkiper lagħab 112-il logħba mat-tim Taljan u sa dak iż-żmien kien l-aktar persuna li lagħab mal-Azzurri.
L-eks gowlkiper ta’ Juventus hu l-uniku plejer Taljan li rebaħ il-Kampjonat Ewropew u t-Tazza tad-Dinja. Hu rebaħ il-Kampjonat Ewropew fl-1968 u t-Tazza tad-Dinja fl-1982. Saħansitra, Zoff hu l-ixjaħ plejer li lagħab u rebaħ finali tat-Tazza tad-Dinja fl-età ta’ 40 sena, erba’ xhur u 13-il ġurnata.
Fil-karriera tiegħu mal-klabbs, Dino Zoff lagħab ma’ Udinese, Mantova u Napoli bl-aħjar żmien tiegħu jkun ma’ Juventus fejn lagħab magħhom għal 11-il staġun. Mal-Bianconeri rebaħ sitt kampjonati, darbtejn il-Coppa Italia u t-Tazza UEFA.
Zoff li llum għandu 78 sena, kellu wkoll karriera bħala kowċ b’esperjenzi ma’ Juventus, Lazio, Fiorentina u t-tim nazzjonali Taljan. Ma’ Juventus rebaħ il-Coppa Italia u t-Tazza UEFA fl-istaġun 1989/90.
//= $special ?>