Coronavirus Lokali Saħħa

4 każi ġodda ta’ COVID-19 f’Malta – ifiqu 8 persuni oħra

It-total ta' dawk pożittivi issa jitla' għal 426

Huma 4 l-każi ġodda ta’ Covid-19 f’pajjiżna tul dawn l-aħħar 24 siegħa filwaqt li 8 persuni oħra fiequ minn dan il-virus.

In-numru totali ta’ persuni li rriżultaw pożittiv għal din l-imxija issa tela’ għal 426, filwaqt li f’Malta bħalissa għandna 324 każ attiv u dawk li fiequ issa telgħu għal 99 persuna.

Il-Professur Charmaine Gauci min-naħa tagħha qalet li sa issa hemm żewġ persuni li għadhom jinsabu fl-ITU u li l-kundizzjoni tagħhom hija waħda stabbli.

Intant il-każijiet li rriżultaw fil-pożittiv f’dawn l-aħħar 24 siegħa kienu kollha persuni barranin.

L-ewwel każ imħabbar kien ta’ raġel Taljan ta’ 34 sena residenti Malta, huwa kellu s-sintomi ta’ sogħla, imnieħru blukkat, telf tas-sensi tax-xamm u toma. Irriżulta li dan ir-raġel kellu kuntatt ma’ wieħed mill-każijiet li kien diġà mħabbar u qed jissokta l-contact tracing dwar dan il-każ.

It-tliet każijiet l-oħra huma ta’ immigranti residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far. Kollha rġiel. It-total ta’ każijiet f’dan iċ-Ċentru issa tela’ għal 35.

Għal mistoqsija ta’ Net News il-Professur Gauci qalet li l-istudju dwar l-immunità għadhom għaddejjin. Għalhekk huwa importani li l-istudji jibqgħu jsiru sabiex b’hekk tkun żviluppata tilqima mill-iktar fis.

Intant mill-ġdid is-Supridentent tas-Saħħa Pubblika għamlet appell biex kulħadd isegwi l-appelli li qed isiru mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.