Coronavirus Lokali Saħħa

600 telefonata f’ġimgħa waħda fuq in-numru 1770

B’kollox sa issa qed ikun mas-600 telefonata fil-ġimgħa ta’ persuni li għamlu kuntatt fuq in-numru 1770, dan l-ammont qabel l-imxija tal-Covid-19 kien jintlaħaq wara 3 xhur.

Din iċ-ċifra nħarġet tul konferenza stampa hekk kif membri tal-Fondazzjoni Richmond spjegaw magħna il-ħidma li qed issir bħalissa minn din l-għaqda li tista’ tgħid hija parti kruċjali mis-settur tas-saħħa.

Huma qalu li mir-riċerka li saret issa, qed jirriżulta li ż-żgħażagħ qed iħossu ħafna l-impatt tas-social distancing, filwaqt li l-persuna mezza età qed iħossu l-ansjetà kbira filwaqt li huma l-anzjani l-aktar li qed jxerrdu tama u qed iwasslu messaġġi pożittivi li kollox se jgħaddi b’wiċċ il-ġid.

Inħareġ ukoll li l-Maltin qed iħossuhom li qed jingħataw appoġġ minn xulxin u kif ukoll fil-maġġornanza l-aspett familjari aktar ħareġ fil-beraħ hekk kif ħafna l-ewwel qed jinkwetaw għal maħbubin tagħhom minflok għalihom infushom.

Intant Richmond Foundation saħqet li hi qed isseddaq il-ħidma tagħha f’dan iż-żmien tant delikat iżda hi wkoll għandha bżonn l-għajnuna tagħha f’dan iż-żmien tant kruċjali għal pajjiżna.

“Għandna bżonn l-għajnuna biex nibgħu naħdmu u ngħinu ‘l min huwa fil-bżonn”

Huma qalu li fost l-oħrajn l-istaff ta’ Richmond bdew b’lockdown mill-Ħadd li għadda filwaqt li ħaddiema li huma meqjuasa vulnerabbli bdew il-lockdown ġimgħat ilu. Akkost dan kollu l-ħidma ta’ din il-fondazzjoni baqgħet għaddejja bis-sħiħ.

Għalhekk il-Fondazzjoni Richmond issa qed jitolbu u jħeġġu lil dawk il-profesjonisti jew anki dawk li m’humiex biex min irid jagħmel xi ħidma volontarja magħhom f’dan iż-żmien.

Qed tintalab ukoll l-għajnuna mill-pubbliku hekk kif wieħed jista’ jagħti donazzjoni fuq 50618093 għal donazzjoni ta’ €4.66ċ jew fuq 50619235 għal donazzjoni ta’ €11.65ċ. Wieħed jista’ jagħmel dan permezz ta’ trasferiment bankarju jew b’ċekk.