Lokali Mużika

Destiny illum tista’ tirbaħ Eurovision televiżiv fl-Awstrija

Il-Ħamis li għadda kklassifikat fl-ewwel post bejn 14-il pajjiż

Il-kantanta Maltija Destiny llejla se tkun waħda minn tliet finalisti f’edizzjoni tal-Eurovision Song Contest fuq stazzjon televiżiv segwit sew fl-Awstrija.

Dan wara li dan l-istazzjon ħa l-inizjattiva li, fin-nuqqas tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Eurovision Song Contest, li kellu jitħassar minħabba l-pandemija tal-Covid-19, jorganizza l-Eurovision fuq it-televiżjoni, bis-sehem tal-kanzunetti kollha (u l-videos tagħhom) li kienu se jipparteċipaw f’din l-edizzjoni f’Rotterdam. L-ispettaklu televiżiv jismu Der Kleine Song Contest:

Il-festival televiżiv kien imqassam fuq tlett ijiem bi tliet gruppi ta’ pajjiżi li minnhom kull darba jintgħażel rebbieħ li jkun finalist fl-edizzjoni finali tal-lejla. L-ewwel grupp ta’ kanzunetti kkompetew nhar it-Tlieta, u minn dawn rebħet il-kanzunetta tal-Iżlanda ‘Think about Things’ b’75 punt.

It-tieni edizzjoni saret il-Ħamis li għadda u r-rebbieħa fost 14-il pajjiż kienet proprju Malta permezz ta’ Destiny bil-kanzunetta ‘All of My Love’, li kisbet total ta’ 97 punt, segwita mill-Iżvizzera b’86 punt u Franza b’69 punt.

B’hekk Destiny rebħet id-dritt li tkun it-tieni finalista tal-kompetizzjoni. It-tielet finalista tkun magħrufa llejla meta jkunu preżentati l-kanzunetti tal-aħħar grupp ta’ 13-il pajjiż Ewropew, li jinkludu fosthom lill-Awstralja.

Imbagħad, illejla stess, il-pubbliku jkun mitlub jagħżel, permezz tat-telefonati tiegħu, lir-rebbieħa finali fost it-tliet pajjiżi finalisti.

Ta’ min jgħid li l-għażliet ta’ dawn il-finalisti qed isiru minn ġurija esperta komposta minn grupp  ta’ 10 kantanti li rrappreżentaw lill-Awstrija f’edizzjonijiet passati tal-Eurovision Song Contest, fosthom il-kantanta Conchita, li fl-2014 rebħet dan il-festival mużikali prestiġjuż bil-kanzunetta ‘Rise Like a Phoenix’. Huma taw il-punti tagħhom, mill-1 sa 12, lill-kanzunetti parteċipanti.

Madankollu se jkun il-pubbliku Awstrijak li llejla jagħżel il-kanzunetta rebbieħa fost l-aħħar tliet finalisti. Awguri Destiny!

Ir-riżultati tad-Der Kleine Song Contest

L-EWWEL GRUPP:

  1.  Iżlanda (75 punt)
  2.  Olanda (71 punt)
  3.  Bulgarija (71 punt)
  4.  Ingilterra (66 punt)
  5.  Belġju (63 punt)
  6.  Polonja (61 punt)
  7.  Rumanija (61 punt)
  8.  Iżrael (60 punt)
  9.  Spanja (55 punt)
  10.  Ċipru (50 punt)
  11.  Ġorġja (49 punt)
  12.  Armenja (42 punt)
  13.  San Marino (35 punt)
  14.  Belarussja (17-il punt)

IT-TIENI GRUPP:

  1. Malta (97 punt)
  2. Żvezja (86 punt)
  3. Franza (69 punt)
  4. Russja (67 punt)
  5. Żvizzera (64 punt)
  6. Litwanja (57 punt)
  7. Finlandja (56 punt)
  8. Irlanda (55 punt)
  9. Ażerbajġan (50 punt)
  10. Slovenja (50 punt)
  11. Kroazja (45 punt)
  12. Latvja (36 punt)
  13. Portugall (30 punt)
  14. Moldova (28 punt)

IT-TIELET GRUPP: (Ir-riżultat jitħabbar illejla)

Albanija

Awstralja

Awstrija

Repubblika Ċeka

Danimarka

Estonja

Ġermanja

Greċja

Italja

Maċedonja

Norveġja

Serbja

Ukrajna