F’telefonata li kellhom il-Ġimgħa, il-President Messikan, Andres Manuel Lopez Obrador, ippropona laqgħa mal-President Amerikan, Donald Trump, fi żmien 3 xhur għal dak li possibbilment se jkun l-ewwel inkontru bejniethom.
Minkejja dan, għadu mhuwiex magħruf x’kienet ir-reazzjoni għal din it-talba, li saret sabiex jirringrazzja lill-President tal-Istati Uniti personalment tat-tagħmir mediku mibjugħ lill-Messiku u sabiex jiċċelebraw l-implimentazzjoni ta’ ftehim ġdid ta’ negozju bejn iż-żewġ pajjiżi u l-Kanada.
Fit-telefonata, Trump wiegħed lil Lopez Obrador li se jbiegħ 1000 ventilatur lill-Messiku sal-aħħar tax-xahar, minkejja li t-talba oriġinali tal-pajjiż ġar tal-Istati Uniti kienet ta’ 10,000 ventilatur u 10,000 monitor għall-pazjenti tal-COVID-19.
Il-President Messikan saħaq li Trump qallu li mhux se jkun hemm restrizzjonijiet fil-bejgħ ta’ dan it-tagħmir lill-Messiku, fid-dawl li t-tbassir għal dawk pożittivi għall-Coronavirus se jiżdiedu drastikament fil-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>