Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Il-vittmi globali tal-COVID-19 ilaħħqu l-157,000

epa08370818 An ambulance passes a thankful message to Britain's National Health Service (NHS) in Camden Town in London, Britain, 18 April 2020. The Camden Markets are the fourth-most popular visitor attraction in London, attracting approximately 250,000 people each week. Countries around the world are taking increased measures to stem the widespread of the SARS-CoV-2 coronavirus which causes the Covid-19 disease. EPA-EFE/NEIL HALL
888 vittma f’ġurnata waħda fir-Renju Unit

Il-vittmi ta’ coronavirus laħħqi l-157,000 minn fost madwar 2.27 miljun persuna pożittivi fid-dinja – bl-Istati Uniti, l-Italja, Spanja u Franza jibqgħu l-aktar pajjiżi milquta waqt li pajjiżi oħrajn qed jaraw żieda sostanzjali tal-COVID-19.

STATI UNITI: Il-fatalitajiet issa qabżu s-37,000 persuna, bil-President Trump jistma li l-pandemija fl-Istati Uniti taf taħsad il-ħajja ta’ 65,000 persuna. Minkejja dan, ċittadini Amerikani f’numru ta’ stati ħarġu jipprotestaw fit-toroq kontra l-miżuri stretti ta’ lockdown.

ITALJA: L-Italja rreġistrat lanqas rata ta’ mewt bil-COVID-19 is-Sibt, 482, biex il-vittmi laħqu madwar 23,000. L-awtoritajiet fil-pajjiż jinsabu mħassba minħabba li issa deħlin f’dik li ħafna qed isejħulha t-tieni fażi tal-pandemija, bil-virus jinfirex mill-ġdid anke fost dawk li jkunu diġà fiequ.

KOREA T’ISFEL: 163 każ ta’ COVID-19 kienu konfermati fost pazjenti li kienu diġà mfejqa minn din il-marda. Skont l-awtoritajiet Koreani, iċ-ċifri xorta għadhom baxxi.

SPANJA: L-aktar pajjiż bl-akbar numru ta’ vittmi wara l-Italja u l-Istati Uniti hija Spanja, hekk kif ilbieraħ ġew reġistrati 565 fatalità – 20 anqas mill-jum ta’ qabel. B’hekk il-vittmi tal-COVID-19 jaqbżu l-20,000 persuna filwaqt li dawk pożittivi jaqbżu l-190,000.

FRANZA: Il-vittmi fi Franza laħqu d-19,000 persuna fost ftit anqas minn 150,000 persuna pożittiva. Il-President Franċiż Emanuel Macron ikkonferma li l-lockdown madwar il-pajjiż jibqa’ fis-seħħ tal-anqas sal-11 ta’ Mejju.

RENJU UNIT: Il-ħames l-aktar pajjiż b’vittmi tal-COVID-19 jibqa’ r-Renju Unit, hekk kif ilbieraħ irreġistra 888 fatalità biex issa t-total kważi laħaq il-15,500 vittma. Hawnhekk, qed jikber it-tħassib fost il-professjonisti mediċi u l-ħaddiema tal-NHS minħabba nuqqas kbir ta’ lbies protettiv – xi ħaġa li taf tpoġġi f’riskju akbar lill-impjegati tal-isptarijiet hekk kif s’issa kienu 50 minnhom li tilfu ħajjithom. Fl-istess waqt, ir-Reġina Eliżabetta II kkanċellat is-salut li jingħata f’ġieħha ta’ kull sena f’għeluq l-94 sena minn twelidha.

BELĠJU/OLANDA: Din kienet ġimgħa diffiċli anke għall-Belġju, bil-vittmi f’dan il-pajjiż jaqbżu l-5,400 fost aktar minn 37,000 pożittivi. L-istess fil-pajjiż ġar tal-Olanda, hekk kif il-fatalitajiet qabżu t-3,600 persuna fost aktar minn 31,500 dawk li ttestjaw pożittivi għall-coronavirus.

ĠERMANJA: Żdiedu għar-raba’ jum konsekuttiv il-każijiet ta’ Ġermaniżi pożittivi bil-COVID-19. Is-Sibt żdiedu b’aktar minn 1,100 għal total ta’ madwar 142,000 iżda l-fatalitajiet ta’ kuljum jibqgħu baxxi, bi 53 mietu lbieraħ għal total ta’ aktar minn 4,400 vittma. F’dan id-dawl, minkejja li ċerta miżuri ta’ lockdown jafu jiġu rilassati fil-ġimgħat li ġejjin, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin qal li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar se jibqgħu fis-seħħ possibbilment wara t-3 ta’ Mejju, għalkemm din trid tiġi koordinata fuq livell Ewropew. B’hekk xejjen kwalunkwe prospetti ta’ safar għall-Ġermaniżi fis-sajf li ġej.

Mill-aspett ekonomiku, id-daqqa tal-coronavirus qed tkompli żżid il-qgħad f’diversi pajjizi li prattikament għandhom kollox magħluq. Dan apparti li l-prezz internazzjonali taż-żejt issa niżel fil-livell ta’18-il dollaru kull barmil.

DANIMARKA: Iżda jidher li qiegħed ifeġġ raġġ ta’ dawl fl-Ewropa hekk kif id-Danimarka ngħaqdet mal-Awstrija biex tirrilassa l-miżuri ta’ lockdown fid-dawl tat-tnaqqis fil-każijiet tal-Coronavirus. Dan il-pajjiż Skandinavu sar l-ewwel pajjiż Ewropew li reġa’ fetaħ l-iskejjel, iżda għall-istudenti l-aktar żgħar fil-primarja biss wara xahar magħluqin.

KUNĊERTI: Bosta artisti kbar, fosthom J Lo, Elton John u Stevie Wonder, se jingħaqdu flimkien f’kunċert online mid-djar rispettivi tagħhom is-Sibt filgħaxija bħala sinjal t’appoġġ għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa kif ukoll tal-WHO. Fl-istess waqt, għall-perjodu ta’ 48 siegħa sal-Ħadd fit-8pm, il-kumpanija Universal tellgħet rappreżentazzjoni rrekkordjata tal-Phantom of the Opera, t’Andrew Lloyd Webber, fir-Royal Albert Hall fl-2011 fuq YouTube.