Ambjent Coronavirus Internazzjonali Saħħa Xjenza u Teknoloġija

Kiev tinkesa bi ċpar u duħħan min-nirien f’Chernobyl

Ritratt: EPA

Il-kapitali Ukrena, Kiev, għal dawn l-aħħar siegħat inksiet bi ċpar aċiduż u duħħan ġejjin min-nirien biswit l-impjant nukleari ta’ Chernobyl, madwar 100km mit-tramuntana tagħha mal-fruntiera mal-Belarussja.

B’hekk, minkejja li ċ-ċittadini Ukreni fi Kiev qegħdin f’lockdown fi djarhom kawża tal-COVID-19, il-livelli ta’ tniġġiż fil-belt huma fost l-agħar fid-dinja bħalissa, u jħabbtuha ma’ diversi bliet fiċ-Ċina.

F’ħin minhom il-Ħamis, l-indiċi tal-grupp ta’ moniteraġġ Svizzeru, IQAir, immarka l-livell ta’ tniġġis fl-arja fi Kiev bħala l-agħar fid-dinja. Iżda l-livelli dehru koroh fid-dawl tal-lockdown globali kawża tal-pandemija, COVID-19, li waqqaf drastikament l-attività ekonomika.

Minkejja dan, il-Ministeru tas-Saħħa Ukren saħaq li l-livell ta’ radjazzjoni baqgħu normali u l-impjant nukleari mhuwiex f’xi riskji imminenti. Bosta kienu l-pumpera li kellhom jitqabdu man-nirien biex jikkontrollawhom fiż-żona ta’ Chernobyl u dawk aktar qrib ta’ Kiev.

Huma appellaw lin-nies fi Kiev, li jlaħħqu mat-3.7 miljuni, sabiex jibqgħu fi djarhom u jagħlqu t-twieqi għaliex id-duħħan jista’ jikkawża uġiegħ ta’ ras, sogħla, diffikultajiet respiratorji kif ukoll infjammazzjoni.