Ambjent Kultura Lokali

“Kulturi Komuni, Wirt Komuni, Responsabbiltà Komuni”

Ritratt: Trevor Sollars
Il-Kamra tal-Periti tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Monumenti u Siti

Il-Kamra tal-Periti fakkret il-Jum Internazzjonali tal-Monumenti u Siti, iċċelebrata s-Sibt 18 t’April, bit-tema “Kulturi Komuni, Wirt Komuni, Responsabbiltà Komuni”.

Fi stqarrija, il-Kamra appellat biex il-poplu Malti jagħraf li l-wirt tiegħu, kemm jekk hu post, pajsaġġ, prattiċi, jew kollezzjoni, ħafna drabi hu marbut ma’ u mogħti valur minn gruppi u komunitajiet differenti.

Din is-sena, hekk kif id-dinja għaddejja mill-kriżi tal-COVID-19, il-Maltin huma msejħin sabiex jiċċelebraw u jaħsbu dwar ir-relazzjonijiet bejn il-kulturi, u r-responsabbiltà kollettiva li għandhom sabiex jieħdu ħsieb u jissalvagwardjaw l-aspetti sinifikanti u l-valuri tal-wirt tagħna.

Il-Kamra tal-Periti fakkret kif kien, fil-fatt, eżattament sentejn ilu li 22 organizzazzjoni attivi fil-qasam tal-wirt kulturali ġew flimkien sabiex jiddikjaraw it-tħassib komuni tagħhom għall-qerda b’mod indiskriminat tal-assi mibnija u kulturali ta’ pajjiżna, u li qed iwassal għal kwalità urbana bil-wisq ifqar.

Dawn l-entitajiet flimkien iffirmaw Dikjarazzjoni bit-titlu “Our Legacy – Wirtna”, li kellu messaġġ fundamentali wieħed: li ll-mod kif nittrattaw il-wirt tagħna hu l-wirt li qed inħallu għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Sentejn ilu, dawn l-organizzazzjonijiet kienu fakkaru lill-Gvern fid-Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, li jistipula li “l-Istat għandu jissalvagwardja l-paesaġġ u l-patrimonju storiku u artistiku tan-Nazzjon”, u eżiġew li l-Gvern jimplimenta 11-il proposta.

Sallum, l-ebda waħda minnhom ma ġew imwettqa.

F’Settembru li għadda, mijiet ta’ nies ħonqu t-toroq tal-Belt Valletta bl-għajta ta’ “Iż-Żejjed kollu Żejjed!” Biżżejjed għall-policies tal-ippjanar li ma jirrisspettawx liċ-ċittadin, għall-awtoritajiet li ma jippjanawx b’mod tajjeb u li ma jirrispettawx l-ambjent, għall-proġetti kbar ta’ kostruzzjoni, tá’ toroq ġodda u għan-nuqqas ta’ ppjanar fit-trasport, għall-kwalità tal-arja ħażina, għan-nuqqas ta’ preservazzjoni tal-biodiversità u għall-industrija tal-kostruzzjoni li titħalla topera b’mod mhux irregolat.

Il-Kamra tal-Periti f’dak li għajtet is-soċjetá Maltija f’Settembru, li ma kienx wisq differenti minn dak li talbu t-22 organizzazzjoni sentejn ilu. It-tħassib hu, fil-fatt, tħassib komuni, li l-kultura u l-wirt tagħna mhux jingħata biżżejjed valur, u l-interessi ekonomiċi qed jingħataw wisq iktar importanza.

Għalhekk tenniet ir-responsabbiltà komuni tal-poplu Malti sabiex iħarsu l-kultura u l-wirt ta’ pajjiżna. Il-Kamra tal-Periti u dawk kollha li ffirmaw id-dikjarazzjoni “Our Legacy – Wirtna” huma kommessi biex jiżguraw li dan iseħħ u temmet tistaqsi jekk il-Gvern huwiex kommess bl-istess mod.