Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

L-ekonomija ta’ pajjiżna mistennija tara tnaqqis ta’ kważi 6%

Din is-sena, l-ekonomija ta’ pajjiżna mistennija tara tnaqqis ta’ kważi 6%. Dan filwaqt li r-rata tal-qgħad se tisplodi ghal 6.1%.

Skont it-tbassir li qed tagħmel l-Aġenzija Fitch, l-iżbilanc tal-pajjiż kaġun ta’ din il-pandemija, se jitla’ ghal aktar minn 8%.

Din il-valutazzjoni tal-Fitch hija bbażata fuq it-tbassir li l-pandemija tal-Coronavirus se tibda ittaffi fit-tieni nofs tas-sena, bl-ekonomiji jerġgħu jibdew jirriturnaw lura għan-normal fis-Sajf.

Ir-rapport ta’ din l-aġenzija awtorevoli jagħti stampa illi hija agħar minn dik li ġiet preżentata mill-Fond Monetarju Internazzjonali u mill-aġenzija Moody’s… fejn l-IMF qed ibassar tnaqqis ekonomiku ta’ kważi 3%.

Min-naħa l-oħra Moody’s …f’rapport separat…qalet li t-tnaqqis se jkun ta’ kważi 4%.

Filwaqt li l-IMF qed jistenna li l-ekonomija ta’ Malta tonqos b’ammont iżgħar minn pajjiżi oħra madwar l-UE, Fitch taħseb mod ieħor – l-aġenzija qed tbassar tnaqqis ta’ 4.2% fil-pajjiżi taż-żona ewro, meta f’Malta id-daqqa se tkun ta’ 5.9%.

Dawn mhux biss persentaġġi, iżda b’mod konkret ifissru daqqa fuq il-postijiet tax-xogħol, fuq l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ, u fuq il-pagi.

Fitch innotat li l-industrija tat-turiżmu f’Malta, se ssofri tnaqqis konsiderevoli fit-tieni kwart ta’ din is-sena minħabba l-pandemija li għaddejja. 

L-istess aġenżija qed tbassar ukoll li dawk li se jitilfu l-impjieg se jiżdiedu ghal 6.1%. Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb qal li minn stħarriġ li sar fl-ahhar jiem, jirriżulta li tul din il-pandemija  ….se jkunu eluf dawk li se jiġu ssensjati.

Minħabba l-COVID-19, s’issa diġà tilfu l-impjieg tagħhom madwar 800 persuna.