“L-Università ta’ Malta tista’ tikkonferma li fil-maġġor parti tal-każijiet, l-istudenti tal-Fakultà tal-Liġi se jiġu assessjati b’assenjament u mhux eżami mid-dar.”
Saħħqet dan il-Fakultà tal-Liġi fi stqarrija s-Sibt waranofsinhar biex tirribatti l-istqarrija tal-Għaqda Studenti tal-Liġi dwar l-assessjar tal-istudenti fil-kors tal-liġi.
Hija fakkret li wara l-Università għalqet minħabba l-pandemija tal-COVID-19, is-Senat iddeċieda li jħalli f’idejn il-fakultajiet sabiex jidentifikaw l-aqwa modi t’assessjar għall-istudenti.
Fil-każ tal-bord tal-Fakultà, kompost fost l-oħrajn minn rappreżentanti tal-istudenti, li tlaqqa’ fit-13 t’April, dan iddeċieda li jkun hemm taħlita t’assenjament u eżamijiet mid-dar.
Din id-deċiżjoni unanima ma kinitx ikkontestata fil-laqgħa tal-bord mill-istudenti nfushom u għalhekk ma kienx meħtieġ li jittieħed vot wara diskussjoni t’aktar minn siegħa għaliex lanqas intalab vot wara kollox. Għalhekk, kienet qarrieqa d-dikjarazzjoni li d-drittijiet tal-vot ġew imċaħħda mill-istudenti fuq il-bord.
L-istqarrija fakkret ukoll kif il-lezzjonijiet baqgħu għaddejjin saħansitra waqt il-vaganzi tal-Għid sabiex jtagħmlu tajjeb għat-telf ta’ lezzjonijiet li intilfu fil-ġimgħa li l-letturi kellhom jorjentaw ruħhom biex jeqilbu n-natura tal-lezzjonijiet, minn dak b’kuntatt uman għal b’mod virtwali.
Il-Fakultà għalhekk temmet ittenni li kien prematur għall-organizzazzjoni studenteska tgħid li l-istudenti kienu sfurzati jpoġġu għall-eżamijiet għaliex naqqset milli tipprepara l-istudenti għalihom.
//= $special ?>