Id-data tat-8 ta’ Ġunju jidher li d-data ideali fix-xenarju ta’ meta jista’ jitkompla l-istaġun tal-Premier League. Il-klabbs Ingliżi għadhom qed iħarsu li jispiċċaw l-istaġun iżda l-proposta li l-istaġun jintemm sat-30 ta’ Ġunju ma kinitx diskussa waqt il-laqgħa li saret il-Ġimgħa.
F’din il-video conference, il-klabbs iffukaw fuq mudelli differenti kif itemmu l-istaġun. Huma ġew murija mudelli biex il-logħba jintlagħbu f’Ġunju, Lulju jew Awwissu. Dan għalkemm il-Premier League saħqet li l-istaġun mhux se jkompli qabel il-Gvern jiddikjara li ma jkunx hemm periklu għas-saħħa ta’ dawk involuti. Kull klabb fadallu disa’ jew għaxar logħbiet għal tmiem il-kampjonat u qed jingħad li dawn il-logħbiet jistgħu jintlagħbu f’perjodu ta’ ħames ġimgħat. Il-Gvern Ingliż qal il-Ħamis li l-lockdown se jibqa’ tal-anqas sas-7 ta’ Mejju.
Jekk dan il-ħsieb jinżamm, ikun possibbli li l-logħob jerġgħu jibdew jintlagħbu f’Ġunju, bil-logħbiet bil-bibien magħluqa filwaqt li l-plejers, kowċis u uffiċjali tal-logħba jsirilhom kollha l-eżamijiet meħtieġa. Il-Premier League ilu wieqaf mit-13 ta’ Marzu u jonqos 92 logħba biex jispiċċa l-istaġun. Il-UEFA trid li l-kampjonati domestiċi jkunu lesti sa Awwissu u jekk ikun possibbli l-finali tal-UEFA Champions League ssir f’Istanbul fid-29 ta’ Awwissu. Oriġinarjament il-finali kellha tintlagħab fit-30 ta’ Mejju.
//= $special ?>