Il-Prinċipal tat-Tim ta’ Mercedes Toto Wolff kiseb 4.77% fil-kumpanija Britannika Aston Martin, biċ-chairman eżekuttiv tagħha hu Lawrence Stroll, il-persuna li jmexxi t-tim Racing Point.
Kelliem għat-tim ta’ Mercedes qal li l-mossa ta’ Wolff hi purament raġuni ta’ investiment u minħabba kwistjoni tad-drittijiet, l-ishma jinżlu għal anqas minn 1%. L-istess kelliem ikkonferma li l-irwol eżekuttiv li Wolff għandu, mhux se jkun affettwat.
Wolff fil-passat kellu 16% f’ishma tal-eks champions Williams iżda biegħ kollox meta ngħaqad mat-tim ta’ Mercedes. Fil-preżent hu l-Prinċipal u għandu 30% tal-ishma fit-tim. Lawrence Stroll għandu relazzjoni mill-qrib ma’ Wolff. Ibnu Lance u l-Messikan Sergio Perez jiffurmaw it-tim ta’ Racing Point, li mis-sena d-dieħla se jinbidel għal Aston Martin. L-istess tim juża l-magni Mercedes.
Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li dan il-pass jista’ jittieħed bħala konferma oħra li Aston Martin jista’ jsir qisu t-tieni tim ta’ Mercedes. Il-futur ta’ Wolff ilu suġġett ta’ spekulazzjoni, bl-Awstrijak ta’ 48 sena ssemma li seta’ jingħaqad mas-sidien tal-Formula 1 Liberty Media jew ma’ Aston Martin.
//= $special ?>