Formula 1 Sport

11-IL SENA ILU: L-ewwel rebħa ta’ Red Bull fil-Formula 1

(Ritratt: EPA)

19 TA’ APRIL 2009

Red Bull kisbu l-ewwel rebħa fil-Formula 1 permezz ta’ Sebastian Vettel li spċiċa fl-ewwel post fil-Grand Prix taċ-Ċina. Vettel beda t-tellieqa fuq quddiem u żamm postu f’tellieqa kkaratterizzata mix-xita, b’Red Bull saħansitra jagħmlu doppjetta bit-tieni post miksub minn Mark Webber.

Għal Vettel din kienet it-tieni rebħa tiegħu fil-karriera wara r-rebħa ma’ Toro Rosso fil-Grand Prix tal-Italja fl-istaġun ta’ qabel. L-ewwel tmien dawriet saru wara s-Safety Car li reġgħet ħarġet fl-20 dawra wara waħda minn serje ta’ inċidenti.

Il-Ġermaniż kien ukoll viċin li jispiċċa barra mit-tellieqa wara li Sebastien Buemi ħabat fil-karozza tiegħu fid-19-il dawra. It-tellieqa ta’ 56 dawra damet kważi sagħtejn, b’Vettel iqis il-Grand Prix bħala waħda sfidanti għaliex kien diffiċli li jżommu l-karozzi fiċ-ċirkwit.

Jenson Button, rebbieħ tal-ewwel żewġ tlielaq, spiċċa fit-tielet post fuq Brawn GP segwit minn sieħbu Rubens Barrichello u l-koppja ta’ McLaren Heikki Kovalainen u Lewis Hamilton. Timo Glock ta’ Toyota u Sebastien Buemi ta’ Toro Rosso temmew fis-seba’ u t-tmien post rispettivament.