Hekk kif pajjiżna daħal fis-seba’ ġimgħa tal-kriżi pandemika ta’ Covid-19, riżultati inkoraġġanti, hekk kif fl-aħħar 24 siegħa fiequ 19-il persuna oħra biex issa l–ammont totali ta’ persuni mfejqa tela’ għal 118.
Dan ħabritu s-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, fil-bulettin mediku li qed twassal ta’ kuljum fejn spjegat li fost id-19, 14 minnhom kienu rġiel filwaqt li 5 kienu nisa.
Il-Professur Gauci spjegat li ħamsa minn dawn kienu ta’ età fl-għoxrinijiet, erba’ fit-tletinijiet, erba’ fl-erbgħinijiet, tlieta fil-ħamsinijiet, u wieħed fit-tmeninijiet … b’waħda minnhom kienet qed tiġi rikoverata fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Dan filwaqt li ħabbret każ ieħor ġdid li rriżulta pożittiv għall-virus minn 787 swab test li twettqu fl-aħħar 24 siegħa. B’hekk, il-każijiet totali ta’ Coronavirus f’pajjiżna laħqu l-427, b’dawk attivi – meta nqisu l-imfejqa u t-tliet fatalitajiet – huma 306.
Il-każ il-ġdid hu ta’ tfajla barranija, hekk kif għat-tieni jum konsekuttiv ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta’ Maltin. Madanakollu ż-żagħżugħa kienet għadha qed tmur għax-xogħol.
Is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika tenniet l-appell li, minkejja l-ammonti jidhru li huma żgħar, xorta kulħadd għandu jibqa’ attent u jsegwi d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Mistoqsija dwar meta nistgħu naraw il-miżuri ta’ social distancing rilassati ftit ftit, hi saħqet li dan isir meta s-sitwazzjoni tkun waħda stabbli. Madankollu, insistiet li għandhom jissaħħu aktar it-testijiet u tiżdied il-konkorrenza tal-pubbliku, minkejja li s’issa twettqu b’kollox 24, 042 swab test.
Il-Professur Gauci spjegat ukoll li qed jiġi nnotat li malli jasal tmiem il-ġimgħa, is-swab tests qed jonqsu minħabba li għal xi raġuni jew oħra, il-persuni jħassru l-appuntament tagħhom.
Spjegat li persuna xorta għandha żżomm mal-appuntament tagħha, anke jekk tara li s-sintomi jkunu għaddewlha. Dan minħabba l-fatt li minkejja li s-sintomi jgħaddu, il-virus xorta jaf jibqa’ fuq il-persuna.
//= $special ?>