19 TA’ APRIL 1990
Bħal-lum tletin sena ilu, in-negozjant Żvediż Lennart Johansson ġie elett il-ħames President tal-UEFA waqt l-20 Kungress Ordinarju tal-UEFA li sar f’pajjiżna. B’hekk hu kien sar is-suċċessur ta’ Jacques Georges li temm il-ħatra tiegħu f’pajjiżna wara kważi seba’ snin fit-tmexxija. Johansson kien ilu mill-1984 President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżvezja u fl-elezzjoni kiseb 20 vot mill-35 vot validu mitfugħa. Hu għeleb l-isfida tal-kontestant l-ieħor li kien il-President tal-Assoċjazzjoni Żvizzera Freddy Rumo.
Waqt il-Kungress li sar dakinhar, ġew eletti ħames membri fil-Kumitat Eżekuttiv. B’kollox kien hemm seba’ kontestanti fosthom il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien George Abela. Hu kiseb 14-il vot u sfortunatament ma kienx elett flimkien mal-Awstrijak Hans Reitinger.
Il-membri eletti kienu Jo van Marle (Olanda) 34 vot, Nikolay Ryashentsev (Unjoni Sovjetika) 28 vot, Ellert B. Schram (Iżlanda) 26 vot u Gunter Schneider (Ġermanja tal-Lvant) 24 vot. L-eks President Jacques Georges u l-Ungeriż Gyorgy Szepesi ġew eletti bħala membri fil-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA f’isem il-UEFA. Il-Ġermaniż Dr. Hermann Neuberger kien konfermat Viċi President tal-UEFA fl-Eżekuttiv tal-FIFA.
Taħt il-Presidenza ġiet trasformata l-UEFA Champions League, li saret l-akbar kompetizzjoni ta’ prestiġju fid-dinja. Il-Kampjonat Ewropew tat-timijiet nazzjonali wkoll kiber fl-istatura tiegħu, hekk kif sar aktar popolari filwaqt li t-tournament kiber minn tmien nazzjonijiet għal 16 kemm dam fit-tmexxija. Fl-2007 hu nħatar President Onorarju waqt il-Kungress tal-UEFA f’Dusseldorf u baqa’ jattendi laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA. Johansson miet fil-5 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet fl-età ta’ 89 sena.
//= $special ?>